Il-PN jappella għal dixxiplina fiskali urġenti hekk kif iż-żieda fir-rati tal-imgħax qed iżżid il-piż tad-dejn

Id-dejn pubbliku ta’ Malta ilu jiżdied b’madwar €1 biljun fis-sena taħt dan il-Gvern, filwaqt li l-ispiża biex jitħallas l-imgħax fuq dan id-dejn diġà qed tpoġġi piż dejjem akbar fuq il-finanzi pubbliċi.

Il-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lill-Gvern jadotta dixxiplina fiskali immedjata wara d-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jgħolli r-rata tal-interessi b’25 punt bażi għal 2.25%. B’aktar żidiet fir-rati tal-imgħax mistennija fix-xhur li ġejjin biex tiġi kkontrollata l-inflazzjoni, il-PN iwissi li issa huwa essenzjali li jkun hemm aktar dixxiplina fil-ġestjoni tad-dejn pubbliku.

Id-dejn pubbliku ta’ Malta ilu jiżdied b’madwar €1 biljun fis-sena taħt dan il-Gvern, filwaqt li l-ispiża biex jitħallas l-imgħax fuq dan id-dejn diġà qed tpoġġi piż dejjem akbar fuq il-finanzi pubbliċi. Saħansitra qabel iż-żidiet riċenti fir-rati tal-imgħax, dan kien ifisser madwar €1 miljun kuljum f’pagamenti tal-imgħax biss – spejjeż li fl-aħħar mill-aħħar iridu jerfgħuhom il-ġenerazzjonijiet futuri. B’rati tal-imgħax ogħla, dan il-piż se jkompli jiżdied, u dan ifisser li mit-taxxi tagħna se nkunu qed inħallsu aktar minn €1 miljun kuljum biex inkopru l-ispiża tal-infiq żejjed tal-Gvern.

Il-PN jinnota li din it-twissija hija konsistenti mal-pariri riċenti tal-Kunsill Konsultattiv Fiskali Malti (MFAC), li sejjaħ biex l-infiq pubbliku jitbiegħed minn miżuri short-term u jiffoka aktar fuq investiment li jagħti riżultati aktar b’saħħithom fit-tul. L-istess sejħa saret ukoll minn diversi awtoritajiet, fosthom il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta.

Il-PN jisħaq li nuqqas kontinwu ta’ dixxiplina fiskali mhuwiex sostenibbli, u li l-Gvern irid jaġixxi issa biex jevita li jgħaddi piż ta’ dejn saħansitra akbar fuq il-poplu Malti fis-snin li ġejjin.

12.06.2026