Il-PN jifraħ lil Maria Micallef bħala Chairperson ġdida tal-MCESD
Jirringrazzja lil David Xuereb tal-ħidma tiegħu fit-tmexxija tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali fl-aħħar tliet snin
Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lil Maria Micallef tal-ħatra tagħha bħala ċ-Chairperson il-ġdida tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, u jawguralha ħidma qawwija favur it-tisħiħ tad-djalogu soċjali f’Malta f’dan ir-rwol importanti għall-pajjiż.
L-esperjenza estensiva tagħha fis-settur privat għandha sservi bħala għodda biex tikkontribwixxi b’mod pożittiv f’dan ir-rwol il-ġdid.
Il-PN iħares ’il quddiem lejn aktar ħidma biex l-MCESD ikompli jkun strument ta’ djalogu soċjali fost l-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti.
Fl-istess ħin, il-PN jirringrazzja liċ-Chairperson uxxenti l-Perit David Xuereb għall-kontribut li ta f’dawn l-aħħar tliet snin, b’mod partikolari għall-kollaborazzjoni li kien hemm bejn il-Partit Nazzjonalista u l-MCESD permezz ta’ diversi laqgħat ta’ djalogu taħt it-tmexxija tiegħu.
Ryan Callus
Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Promozzjoni tal-Kummerċ
08.01.2026