Il-PN jifraħ lit-tim nazzjonali Malti tal-irġiel tar-Rugby Sevens

Wara r-rebħ tal-midalja tal-bronż fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, issa kiseb promozzjoni storika għar-Rugby Europe Trophy Division

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lit-tim nazzjonali Malti tar-Rugby Sevens fid-Diviżjoni Conference 1 li kiseb il-promozzjoni għar-Rugby Europe Sevens Trophy Division, it-tieni l-ogħla kategorija fir-Rugby Ewropew.

It-tim tal-irġiel kiseb din il-promozzjoni storika wara li wasal sal-finali tal-Conference 1 kontra Monaco wara rebħiet konvinċenti kontra l-Finlandja, l-Awstrija u Andorra.

Minkejja li fil-finali Malta tilfet kontra l-favoriti Monaco – rebbieħa tal-midalja tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa – it-tieni post f’dan it-tournament ifisser li t-tim nazzjonali Malti tal-irġiel tar-Rugby 7s rebaħ il-promozzjoni għat-Trophy Division tar-Rugby.

Wara r-rebħ tal-midalja tal-bronż fil-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar, din kienet konferma oħra tal-potenzjal li għandu dan l-isport Malti fuq livell internazzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista jappella biex l-isport Malti jingħata aktar appoġġ u jsir aktar investiment f’dixxiplini sportivi bħar-Rugby, biex l-atleti u t-timijiet Maltin ikomplu jġibu aktar suċċessi bħal dawn lejn pajjiżna.

Andrè Muscat
President, Tim Sport PN

David Agius
Shadow Minister għall-Fondi Ewropej u l-Isport

24.06.2025