Il-PN jitlob li l-Att dwar l-Intrapriża Soċjali jidħol fis-seħħ mingħajr aktar dewmien

Dan l-Att għadda mill-Parlament fl-2022, bl-appoġġ sħiħ taż-żewġ naħat tal-Kamra. Madankollu, aktar minn erba’ snin wara, din il-liġi importanti għadha fuq l-ixkaffa. Dan mhux aċċettabbli għal settur li jista’ jagħmel differenza konkreta fil-ħajja tan-nies u fil-komunitajiet tagħna.

Il-Gvern ilu erba’ snin ikaxkar saqajh fuq liġi li tista’ tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex idaħħal fis-seħħ, mingħajr aktar dewmien, l-Att dwar l-Intrapriża Soċjali.

Dan l-Att għadda mill-Parlament fl-2022, bl-appoġġ sħiħ taż-żewġ naħat tal-Kamra. Madankollu, aktar minn erba’ snin wara, din il-liġi importanti għadha fuq l-ixkaffa. Dan mhux aċċettabbli għal settur li jista’ jagħmel differenza konkreta fil-ħajja tan-nies u fil-komunitajiet tagħna.

L-intrapriżi soċjali mhumiex sempliċiment negozji bħal kull negozju ieħor. Dawn huma inizjattivi ekonomiċi b’għan soċjali ċar, fejn is-suċċess ma jitkejjilx biss mill-profitt, iżda wkoll mill-ġid li jinħoloq għas-soċjetà.

Dan jista’ jfisser, fost oħrajn, impjiegi u taħriġ għal persuni li jsibuha diffiċli jidħlu fid-dinja tax-xogħol, servizzi fil-komunità għal anzjani jew persuni b’diżabbiltà, inizjattivi li jgħinu lil persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni, proġetti li jagħtu ħiliet lil żgħażagħ u adulti, u negozji li jerġgħu jinvestu parti sostanzjali mir-riżorsi tagħhom fil-missjoni soċjali tagħhom.

Għalhekk, meta nitkellmu dwar intrapriża soċjali, ma nkunux qed nitkellmu biss dwar strutturi legali jew termini tekniċi. Inkunu qed nitkellmu dwar mod kif l-ekonomija tista’ taħdem ukoll għal min spiss jibqa’ lura. Inkunu qed nitkellmu dwar opportunitajiet ta’ xogħol, inklużjoni, dinjità, servizzi aktar qrib in-nies, u komunitajiet aktar b’saħħithom.

Il-PN jemmen li Malta għandha bżonn qafas ċar, serju u kredibbli għall-intrapriżi soċjali. Dan il-qafas għandu jagħti ċertezza lil dawk li diġà jaħdmu f’dan il-qasam, joffri direzzjoni lil inizjattivi ġodda, u jiżgura li t-terminu “intrapriża soċjali” jintuża b’mod korrett, konsistenti u marbut ma’ kriterji ċari.

L-intrapriża soċjali tista’ tkun pont bejn l-ekonomija u l-qasam soċjali, bejn il-ħolqien tal-ġid u l-ħolqien ta’ valur għall-komunità.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex jippubblika skeda ċara ta’ meta l-Att se jidħol fis-seħħ u jassigura li l-implimentazzjoni ta’ din il-liġi ssir b’konsultazzjoni sħiħa mal-istakeholders kollha fis-settur.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li pajjiżna ma jistax jibqa’ jkollu liġi importanti bħal din fuq l-ixkaffa. Min jaħdem biex joħloq impatt soċjali għandu jingħata qafas ċar, mhux inċertezza. Min irid jinvesti ħinu, il-ħiliet tiegħu u r-riżorsi tiegħu f’inizjattivi li jgħinu lin-nies u lill-komunitajiet għandu jsib Stat li jifhem dan il-valur u jappoġġjah.

Il-PN jibqa’ impenjat favur ekonomija li tippremja l-inizjattiva, iżda li fl-istess ħin tagħraf u tappoġġja lil dawk li jaħdmu b’għan soċjali ċar. Għalhekk, il-Gvern għandu jieqaf ikaxkar saqajh u jagħti lil dan is-settur is-serjetà li jistħoqqlu.

Michael Piccinino
Shadow Minister għas-Self-Employed, l-Intrapriżi Żgħar u l-Koperattivi

10.07.2026