Il-PN qed joħroġ l-id tal-ħbiberija biex flimkien nindirizzaw il-pjaga tat-traffiku
Il-proposta hija li l-Kumitat ikun magħmul minn tliet membri tal-Gvern u tliet membri tal-Oppożizzjoni, bl-Ispeaker bħala Chair tal-Kumitat li jitwaqqaf b’Mozzjoni kongunta li tiġi approvata mill-Parlament. Fost il-membri jkun hemm il-Ministru u x-Shadow Minister responsabbli għall-Mobilità Sostenibbli. L-esperti u stakeholders jikkontribwixxu permezz ta’ pariri u xhieda.
Proposta għat-twaqqif ta’ Kumitat Parlamentari b’rappreżentanza ugwali u rapport kull tliet xhur dwar is-sejbiet, id-data u t-triq ’il quddiem
It-traffiku huwa problema nazzjonali li taffettwa lil kull min jgħix f’Malta. Il-Partit Nazzjonalista qed joħroġ l-id tal-ħbiberija u jwiegħed il-koperazzjoni sħiħa lill-Gvern biex flimkien, u bis-sehem tas-soċjetà, naħdmu fuq soluzzjonijiet li jtejbu l-ħajja tan-nies.
Dan huwa l-ħsieb wara proposta li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista għat-twaqqif ta’ Kumitat Magħżul Parlamentari dwar it-Tnaqqis tat-Traffiku u l-Mobilità Sostenibbli. Il-proposta tagħti struttura prattika lill-appell tal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg biex il-Gvern u l-Oppożizzjoni jaħdmu flimkien fuq din l-isfida.
It-traffiku jaffettwa l-ħin tagħna mal-familja, biex naslu għax-xogħol, l-iskola u l-operat tan-negozji. Kulħadd għandu interess li s-sitwazzjoni titjieb. Għalhekk irridu niġbru madwar l-istess mejda l-għarfien, l-esperjenza u r-rieda li jeżistu fil-pajjiż.
Il-proposta hija li l-Kumitat ikun magħmul minn tliet membri tal-Gvern u tliet membri tal-Oppożizzjoni, bl-Ispeaker bħala Chair tal-Kumitat li jitwaqqaf b’Mozzjoni kongunta li tiġi approvata mill-Parlament. Fost il-membri jkun hemm il-Ministru u x-Shadow Minister responsabbli għall-Mobilità Sostenibbli. L-esperti u stakeholders jikkontribwixxu permezz ta’ pariri u xhieda.
Il-Parlament diġà għandu l-proċeduri għal dan it-tip ta’ ħidma. Dawn jippermettu lill-Kamra taħtar kumitat magħżul biex jinvestiga suġġett u jippermettu wkoll il-parteċipazzjoni tal-Ispeaker. Ir-regoli jipprovdu għall-ħatra u l-operat ta’ dawn il-kumitati, għas-smigħ tax-xhieda, għall-produzzjoni ta’ dokumenti u għar-rappurtar lill-Kamra. Il-kompożizzjoni u l-mandat speċifiku jiġu stabbiliti fil-Mozzjoni li twaqqaf il-kumitat.
Hemm ukoll preċedenti ta’ ħidma li tat riżultati konkreti. Il-Kumitat Magħżul dwar ir-Rikodifikazzjoni u l-Konsolidazzjoni tal-Liġijiet ippreżenta abbozzi dwar il-ġustizzja f’Għawdex u d-dritt amministrattiv. Il-Kumitat Magħżul dwar it-Trab Iswed twaqqaf fl-2010. Il-Kumitat Magħżul dwar it-Tisħiħ tad-Demokrazija ġie approvat unanimament fis-16 ta’ Lulju 2008. Dawn juru kif id-diskussjoni parlamentari tista’ twassal għal proposti konkreti permezz ta’ ħidma bejn iż-żewġ naħat.
Il-Kumitat propost jisma’ lill-awtoritajiet, lill-esperti indipendenti, lill-kunsilli lokali, lill-operaturi tat-trasport, lill-ħaddiema u lin-negozji. Il-passiġġieri, il-persuni b’diżabbiltà u l-pubbliku jkollhom ukoll spazju biex iressqu l-esperjenzi u l-proposti tagħhom.
Iż-żewġ naħat ikollhom l-istess data dwar il-ħinijiet tal-vjaġġi, l-affidabbiltà tat-trasport pubbliku, it-trasport tal-iskejjel, il-parkeġġ u l-għeluq tat-toroq. Fuq din il-bażi jkunu jistgħu jeżaminaw flimkien miżuri immedjati u soluzzjonijiet fit-tul, inklużi l-ispejjeż u l-effetti mistennija tagħhom u flimkien joħolqu solluzjonijiet għall-isfidi.
Kull tliet xhur, il-Kumitat għandu jippreżenta lill-Parlament u jippubblika, skont ir-regoli tal-Kamra, rapport bis-sejbiet tiegħu, id-data analizzata u t-triq ’il quddiem. Ir-rapport għandu jidentifika r-rakkomandazzjonijiet, il-passi meħtieġa u l-progress fuq dawk li jkunu ġew aċċettati, biex il-pubbliku jkun jista’ jsegwi x’qed jinbidel.
Se tintalab laqgħa bejn l-Oppożizzjoni u l-Gvern biex tiġi ppreżentata u spjegata din il-proposta fid-dettall, bil-għan li jintlaħaq qbil dwar kif nistgħu naħdmu flimkien biex titwettaq.
Il-Gvern għandu r-responsabbiltà tal-implimentazzjoni, u aħna rridu nagħtu sehem serju fil-ħidma lejn soluzzjonijiet. Nistgħu nżommu l-fehmiet politiċi tagħna u fl-istess waqt naħdmu flimkien fejn hemm interess komuni, fl-interess tal-pajjiz u ta’ kull ċittadin. Il-Partit Nazzjonalista qed joffri l-id tal-ħbiberija għax jemmen li, quddiem problema li tolqot lilna lkoll, għandna niġbru l-isforzi tagħna għall-ġid ta’ kull min jgħix f’Malta.
Ivan Castillo
Whip tal-Oppożizzjoni u Shadow Minister għall-Mobbiltà Sostenibbli
01.10.2026
– Agħfas hawn għal messaġġ tax-Shadow Minister Ivan Castillo dwar din il-proposta tal-Oppożizzjoni.