Il-poplu jibqa’ jħallas aktar imgħax hekk kif id-dejn tal-gvern ikompli jiżdied

Statistika tal-NSO dwar il-finanzi tal-gvern turi li fl-aħħar ta’ Mejju d-dejn laħħaq kważi €12-il biljun li jfisser €29,200 f’dejn għal kull Malti u Għawdxi

Statistika tal-NSO dwar il-finanzi tal-gvern turi li fl-aħħar ta’ Mejju d-dejn laħħaq kważi €12-il biljun li jfisser €29,200 f’dejn għal kull Malti u Għawdxi

L-aħħar ċifri tal-finanzi tal-gvern ippubblikati llum mill-uffiċċju tal-istatistika tal-gvern jikkonfermaw li f’Mejju ta’ din is-sena d-dejn tal-pajjiż kompla jiżdied u issa jinsab fil-livell ta’ €11,840 miljun.

L-istqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) għall-perjodu bejn Jannar u Mejju 2026 tikkonferma li għal darba oħra, meta tqabbel mal-istess xahar sena ilu, id-dejn li bih il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela qed jgħabbi l-pajjiż kompla jiżdied u jilħaq rekords ġodda.

Din iċ-ċifra ta’ kważi 12-il biljun ewro f’dejn fl-aħħar tax-xahar li għadda hija ekwivalenti għal aktar minn €29,200 f’dejn għal kull ċittadin Malti u Għawdxi u tfisser li f’sena d-dejn żdied bi kważi biljun ewro (€957 miljun) fuq l-istess xahar fl-2025 – żieda li tammonta għal 9%.

Nofs dan il-biljun ewro dejn f’sena sar f’April waħdu, jiġifieri fl-aħħar xahar ta’ qabel l-elezzjoni biss.

Qabel l-elezzjoni, Clyde Caruana qalilna li pajjiżna lanqas f’sena sħiħa ma jiddejjen biljun ewro. Iżda ċ-ċifri tal-NSO qed ikomplu jikkonfermaw li l-Gvern Laburista qed ikompli jżid id-dejn bl-istess pass ta’ waqt il-pandemija. Dan qed itappan is-sostennibiltà tad-dejn ta’ pajjiżna. L-inkompetenza tal-Gvern ta’ Robert Abela u Clyde Caruana fejn tidħol it-tmexxija tal-finanzi tal-gvern issa qed tesponi lill-pajjiż ghal imqar żidiet ċkejkna fir-rati ta’ interess stabbiliti mill-Bank Centrali Ewropew, kif rajna fl-aħħar ġimgħat.

Maż-żieda fid-dejn rekord, jiżdied ukoll rekord ieħor, dak tal-imgħax li qed ikollna nħallsu mit-taxxi tagħna fuq id-dejn tal-gvern. Fl-aħħar ta’ Mejju dan kien jammonta għal €128 miljun – żieda ta’ kważi €10 miljuni meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Skont il-previżjoni tal-Gvern fil-Budget 2026, din is-sena hu proġettat li l-poplu Malti jħallas bejn €340 u €350 miljun f’imgħax fuq id-dejn pubbliku, li jfisser fejn wieħed u ieħor miljun ewro kuljum f’imgħaxijiet biss.

Il-livell qawwi ta’ dejn li għabba lill-poplu bih Robert Abela jfisser li kemm ilu Prim Ministru rnexxielu jiddejjen iktar milli ddejnu l-Prim Ministri kollha ta’ qablu flimkien.

Bil-politika ta’ Gvern Laburista, id-dejn se jkompli jirranka fis-snin li ġejjin biex sal-2028, nilħqu rekord ġdid ta’ aktar minn €14-il biljun kif ħabbar il-Ministru għall-Finanzi stess fl-aħħar budget. Dan ikun ifisser li filwaqt li sa issa Robert Abela għamel id-doppju tad-dejn li għamlu ta’ qablu, sa sentejn oħra, se jkun ittrippla d-dejn.

Adrian Delia
Shadow Minister għall-Finanzi

Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi

26.06.2026