Il-poplu jistħoqqlu garanziji dwar il-parks nazzjonali
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li jkollna definizzjoni ċara ta’ x’inhu park nazzjonali biex jiġi eskluż kull tip ta’ interpretazzjoni ta’ x’inhu park nazzjonali minn min għandu l-għan li jerġa’ jidħaq bil-poplu.
Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-avviż legali li l-White Rocks se jsir park nazzjonali imma jesiġi li jkun hemm definizzjoni ċara ta’ x’inhu park nazzjonali
Il-Maltin u l-Għawdxin għandu jkollhom garanzija li se jkunu jistgħu jgawdu meta jridu, u b’xejn, kull żona li l-PM wiegħed li se ssir park nazzjonali.
Għaldaqstant, filwaqt li jilqa’ l-avviż legali maħruġ mill-Gvern li jgħid li l-White Rocks se jsir park nazzjonali, il-Partit Nazzjonalista jinsisti – kif ilu jgħid sa mill-bidu – li għandu jkun hemm definizzjoni ċara ta’ x’inhu park nazzjonali.
In-nies jafu x’ġara f’postijiet oħra u għandu jkollhom is-serħan il-moħħ li kull żona li tiġi klassifikata bħala park nazzjonali tkun miftuħa għall-pubbliku kollu, kollha kemm hi u bla ħlas.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li jkollna definizzjoni ċara ta’ x’inhu park nazzjonali biex jiġi eskluż kull tip ta’ interpretazzjoni ta’ x’inhu park nazzjonali minn min għandu l-għan li jerġa’ jidħaq bil-poplu.
Il-poplu Malti u Għawdxi hu għatxan għal spazji miftuħa li jistgħu jitgawdew mill-familji Maltin u Għawdxin fil-ħin tal-mistrieħ tagħhom, u rridu niżguraw li dan id-dritt tagħhom jiġi ssalvagwardjat dejjem.
Rebekah Borg
Shadow Minister għall-Ippjanar
29.07.2026