Il-pubbliku jistħoqqlu tweġibiet ċari u trasparenti dwar il-konkos li ntefa’ illegalment f’Marsalforn

Każ ċar fejn l-id ix-xellugija ma tafx x'inhi tagħmel il-leminija

Każ ċar fejn l-id ix-xellugija ma tafx x’inhi tagħmel il-leminija

Ilbieraħ, bosta ċittadini esprimew ir-rabja u t-tħassib tagħhom dwar il-konkos li ntefa’ f’Marsalforn, li kollox jindika li ntefa’ b’mod illegali. Tant hu hekk li dalgħodu stess beda jitneħħa.

Madanakollu, it-tneħħija tal-konkos waħdu mhux biżżejjed. Il-pubbliku għandu kull dritt ikun jaf x’ġara, kif ittieħdu d-deċiżjonijiet u min se jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li seħħ.

Il-Gvern għandu jwieġeb b’mod ċar u trasparenti għal dawn il-mistoqsijiet:

  • Min awtorizza dan ix-xogħol f’Marsalforn?
  • Liema permessi nħarġu biex seta’ jitwettaq dan l-intervent?
  • Jekk il-Ministru ma tax l-approvazzjoni, min ordna lill-ħaddiema tal-gvern biex iwettqu dan ix-xogħol?
  • Issa li l-konkos qed jitneħħa, x’miżuri ta’ prekawzjoni ttieħdu biex tiġi evitata aktar ħsara, inkluż lill-ambjent u lill-baħar tal-madwar?
  • L-awtoritajiet kompetenti ġew ikkonsultati qabel beda x-xogħol u qabel bdiet it-tneħħija tal-konkos?

Din is-sitwazzjoni tqajjem mistoqsijiet serji dwar il-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fi ħdan il-Gvern. L-id ix-xellugija taf x’inhi tagħmel l-id il-leminija, jew le?

Huwa essenzjali li tittieħed ir-responsabbiltà ta’ dak li seħħ, li kull ħsara li setgħet saret tiġi rimedjata u li tingħata spjegazzjoni sħiħa lill-poplu.

Dwar dan il-każ l-Oppożizzjoni ressqet ukoll Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru għal Għawdex li qed jintalab jispjega min awtorizza x-xogħol, liema permessi kienu fis-seħħ, x’miżuri se jittieħdu biex jiġu evitati ħsarat ambjentali, kif ukoll kemm swiet il-ħidma biex twettaq dan ix-xogħol, kemm se tiswa t-tneħħija tiegħu u min se jġorr dawn l-ispejjeż.

Frank Anthony Tabone
Shadow Minister għal Għawdex

08.07.2026

Ara l-messaġġ tax-Shadow Minister għal Għawdex hawn