Il-Qorti tordna lill-PBS jieqaf ixandar spots politiċi relatati mal-Budget

Tilqa’ b’mod proviżorju Mandat ta’ Inibizzjoni tal-PN

Ftit tal-minuti ilu l-Qorti preseduta mill-Imħallef Miriam Hayman laqgħet proviżorjament Mandat ta’ Inibizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, u ordnat lill-PBS biex jieqaf ixandar spots politiċi li huma illegali skont il-Kostituzzjoni.

Ordnat ukoll lill-Awtorità tax-Xandir biex tassigura li l-istazzjon pubbliku ma jxandarx spots li fil-fehma tal-istess Awtorità huma ta’ natura politika partiġjana u dan skont l-obbligi li għandu skont il-liġi.

Dan wara li iktar kmieni illum, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino ressaq Mandat ta’ Inibizzjoni f’isem il-PN biex il-PBS jieqaf ixandar spots li huma politiċi, u li huma projbiti skont il-liġi.

Il-kawża dwar il-Mandat ta’ Inibizzjoni issa se tkompli nhar l-Erbgħa, 6 ta’ Novembru.

Il-Mandat ta’ Inibizzjoni kien iffirmat mill-Avukat Dr Paul Borg Olivier bħala Avukat tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Awtorità tax-xandir biex tkun viġilanti, kif inhi fid-dover li tagħmel, u minn jeddha tieħu kull azzjoni kif ordnata mill-Qorti biex ma tippermettix spots partiġjani fuq l-istazzjon tax-xandir pubbliku.

Fi Frar 2023, il-Public Broadcasting Services kif ukoll l-Awtorità tax-Xandir kienu diġà nstabu ħatja ta’ ksur tal-Kostituzzjoni u tad-drittijiet fundamentali tal-PN dwar l-ispots tal-budget tas-sena 2022.