Il-qtugħ tad-dawl qed jitfa’ lill-anzjani, il-morda u l-vulnerabbli f’riskji akbar

Minħabba l-qtugħ ta’ dawl għal sigħat twal f’numru kbir ta’ lokalitajiet, kien hemm żieda sostanzjali f’każijiet ta’ nies b’heat exhaustion – effett tas-sħana eċċessiva fuq il-ġisem ta’ min ma jkunx jista’ joqgħod f’ambjent frisk, kif ukoll effetti ta’ dehydration u konsegwenzi oħra tas-sħana.

Il-falliment tas-sistema tal-enerġija ma jissarrafx biss f’ikel mormi u ħsarat fl-appliances imma qed ikollu impatt ħażin ħafna wkoll fuq is-saħħa ta’ dawk l-aktar vulnerabbli

Il-qtugħ tad-dawl li issa ilu jippersisti għal kważi ġimgħa sħiħa qed ikun ta’ detriment kbir b’mod partikolarii għall-anzjani, il-morda u dawk l-aktar vulnerabbli.

Meta jinqata’ d-dawl mhux qiegħed biss iħassar l-ikel fil-fridges u jagħmel ħsara lill-appliances imma qed ikollu impatt negattiv reali fuq is-saħħa tan-nies.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi tħassib għall-impatt mifrux li qed ikollu dan il-qtugħ, imma l-ewwel prijorità tibqa’ s-saħħa tan-nies.

Minħabba l-qtugħ ta’ dawl għal sigħat twal f’numru kbir ta’ lokalitajiet, kien hemm żieda sostanzjali f’każijiet ta’ nies b’heat exhaustion – effett tas-sħana eċċessiva fuq il-ġisem ta’ min ma jkunx jista’ joqgħod f’ambjent frisk, kif ukoll effetti ta’ dehydration u konsegwenzi oħra tas-sħana.

Dan kollu jista’ jkollu konsegwenzi serji fuq is-saħħa tal-bniedem. 

Iż-żieda ta’ persuni li qed ikollhom jiġu rikoverati fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei hija wkoll biċċa inkwiet għal sptar li diġà qiegħed għarkopptejh, u li qed jiffaċċja pressjoni ġdida minn persuni li qed ikollhom jidħlu l-isptar konsegwenza tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku, fosthom biex jiġu amministrati trattamenti ta’ sapport bħad-drip u kura oħra għall-effetti tas-sħana eċċessiva.

Dan mhux perjodu fejn normalment l-isptar tagħna jkun taħt pressjoni, imma l-problemi fis-sistema tal-provvista tal-elettriku qed ikomplu jżidu l-pressjoni fuq l-isptar u l-professjonisti tas-saħħa.

Diġà hija problema li Malta kollha tista’ tgħid tiddependi fuq sptar wieħed. Żgur li Mater Dei ma jiflaħx għal pressjonijiet żejda bħal dawn.

Il-Partit Nazzjonalista jappella għal kawtela sħiħa u ħarsien serju ta’ dawk l-aktar vulnerabbli biex ma narawx żieda fi mwiet kawża ta’ nuqqasijiet min-naħa ta’ min qed imexxi lill-pajjiż.

Il-ħolma tal-poplu Malti hi li jgħix f’pajjiż sigur fejn il-ħarsien għas-saħħa tiegħu jkun l-ewwel prijorità ta’ min qed imexxi.

Stephen Spiteri
Shadow Minister għas-Saħħa

21.07.2026