In-nuqqas ta’ ppjanar tal-Gvern iwaqqgħalna wiċċna l-art fuq livell internazzjonali anke fl-isport

Lanqas avveniment sportiv internazzjonali ma ħelisha mill-problema li issa ilha kważi ġimgħa tikkawża tbatijiet kbar lil għexieren ta’ eluf ta’ persuni.

Logħba internazzjonali f’Ta’ Qali wkoll tispiċċa sospiża għal xi ħin minħabba l-qtugħ tad-dawl

In-nuqqas ta’ viżjoni u ppjanar serju tal-Gvern fl-infrastruttura ta’ pajjiżna lbieraħ waqqgħalna wiċċna l-art fuq livell internazzjonali anke f’kompetizzjoni sportiva Ewropea.

Il-logħba futbol tal-UEFA Conference League bejn Floriana FC u FC Drita tal-Kosovo li ntlagħbet ilbieraħ filgħaxija f’Ta’ Qali spiċċat kellha tiġi sospiża għal xi ħin hekk kif anke s-Centenary Stadium għal diversi drabi spiċċa vittma tal-kollass tas-sistema tal-provvista tad-dawl f’Malta.

Lanqas avveniment sportiv internazzjonali ma ħelisha mill-problema li issa ilha kważi ġimgħa tikkawża tbatijiet kbar lil għexieren ta’ eluf ta’ persuni. Il-Malta Football Association kienet saħanistra kostretta toħroġ stqarrija u tiddiżassoċja ruħha minn dak li ġara, u sserraħ ras kulħadd li ma kien hemm l-ebda problema bis-sistema tal-floodlights fil-grawnd, imma l-problema kienet bil-provvista tal-elettriku li ma kinitx fil-kontroll tagħha.

L-apoloġija tal-bieraħ tal-Prim Ministru ma biddlet assolutament xejn għall-familji, in-negozji u issa anke għall-isport Malti. Dawn m’għandhomx bżonn is-sorry tal-Prim Ministru imma investiment serju fin-netwerk tal-elettriku biex dan il-qtugħ tad-dawl ma jibqax in-norma ta’ kull sajf.

Filwaqt li fil-grawnd il-generator ippermetta li din il-partita internazzjonali ta’ kwalifikazzjoni għal Floriana FC setgħet b’xi mod tkompli, f’żoni residenzjali r-residenti qed jispiċċaw jew ibatu l-istorbju tal-generators jew min lanqas generator ma kellu baqa’ jonfoħ fis-sħana u jbati l-konsegwenzi serji li issa qed iġib miegħu dan il-qtugħ ta’ dawl għal dawk l-aktar vulnerabbli.

Din mhix il-Malta li joħlom biha l-poplu Malti u Għawdxi. Pajjiż modern ma jistax jibqa’ jiddependi fuq generators biex l-affarijiet bażiċi jibqgħu għaddejjin.

Kif qal il-Prim Ministru, il-problema mhux il-poplu, imma l-Gvern li qed imexxih.

Il-Partit Nazzjonalista jitlob soluzzjoni immedjata biex l-ebda persuna ma tqatta’ jum jew lejl ieħor bla dawl.

Graham Bencini
Shadow Minister għall-Isport

22.07.2026