Inkomplu naħdmu biex kull anzjan jgħix b’dinjità, indipendenza u sigurtà
Id-dinjità tfisser ukoll protezzjoni. Is-sigurtà u l-protezzjoni tal-anzjani għandhom ikunu prijorità. Ma nistgħux naċċettaw sitwazzjonijiet fejn persuni vulnerabbli jkunu vittmi ta’ abbuż, sfruttament finanzjarju, traskuraġni, iżolament jew kwalunkwe forma oħra ta’ vjolenza. Kull anzjan għandu d-dritt li jgħix f’ambjent sigur u li jkun protett minn kull min jipprova jisfrutta l-vulnerabbiltà tiegħu.
Fil-Jum Dinji għall-Anzjani, il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-anzjani kollha u jesprimi l-gratitudni lejn il-kontribut tagħhom għall-iżvilupp ta’ pajjiżna
Fil-Jum Dinji għall-Anzjani, il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-anzjani kollha ta’ pajjiżna u jesprimi l-gratitudni u r-rispett tiegħu lejn ġenerazzjoni li tat l-aqwa snin ta’ ħajjitha għall-familji tagħha, għall-komunitajiet tagħha u għall-iżvilupp ta’ pajjiżna.
Malta tal-lum ma nbnietx waħidha. Inbniet bil-ħidma, bis-sagrifiċċji, bil-perseveranza u bl-għerf ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Maltin u Għawdxin. Fosthom hemm l-anzjani tagħna, li għal għexieren ta’ snin taw kontribut kbir lill-familji, lill-postijiet tax-xogħol u lis-soċjetà kollha.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li pajjiż li verament jirrispetta lill-anzjani tiegħu huwa pajjiż li jiżgura li huma jkollhom il-mezzi u s-servizzi meħtieġa biex jgħixu b’dinjità, b’indipendenza u b’sigurtà. L-anzjanità m’għandhiex tfisser telf ta’ dinjità, telf ta’ vuċi jew telf ta’ opportunitajiet. Għall-kuntrarju, għandha tkun fażi tal-ħajja li fiha l-persuna tibqa’ rispettata, mismugħa u parteċipi fis-soċjetà.
Illum, iżda, ħafna anzjani u l-familji tagħhom qed jiffaċċjaw sfidi reali. L-għoli tal-ħajja, il-prezzijiet tal-ikel, l-ispiża tal-mediċini u l-ispejjeż ta’ kuljum jistgħu joħolqu pressjoni kbira fuq dawk li jgħixu b’introjtu fiss. Għal min jiddependi primarjament mill-pensjoni, kull żieda fl-ispejjeż tista’ tfisser tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja u inqas kapaċità li wieħed jaffordja l-ħtiġijiet essenzjali.
Għalhekk, il-politika dwar l-anzjani ma tistax tkun limitata għal miżuri iżolati jew temporanji. Hemm bżonn ta’ viżjoni fit-tul u ta’ politika li tindirizza l-ħajja tal-anzjani b’mod olistiku: id-dħul u l-pensjonijiet, is-saħħa, il-kura fit-tul, l-akkomodazzjoni, il-mobbiltà, is-servizzi fil-komunità, il-benesseri mentali, il-parteċipazzjoni soċjali u, fuq kollox, id-dritt fundamentali li kull persuna tgħix l-aħħar snin tagħha b’serħan tal-moħħ u b’dinjità.
Il-Gvern għandu jkompli jinvesti f’servizzi moderni, effiċjenti u innovattivi li jpoġġu lill-anzjan fiċ-ċentru tagħhom. Is-servizzi għandhom ikunu aċċessibbli, personali u ta’ kwalità, u għandhom ikunu mfassla madwar il-bżonnijiet reali tal-anzjani taghna.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat favur anzjanità attiva u parteċipattiva. Dawk li jixtiequ jibqgħu attivi wara l-irtirar, inkluż fid-dinja tax-xogħol, fil-volontarjat jew fil-ħajja tal-komunità, għandhom jingħataw l-opportunità, il-flessibbiltà u l-appoġġ meħtieġ biex jagħmlu dan.
Id-dinjità tfisser ukoll protezzjoni. Is-sigurtà u l-protezzjoni tal-anzjani għandhom ikunu prijorità. Ma nistgħux naċċettaw sitwazzjonijiet fejn persuni vulnerabbli jkunu vittmi ta’ abbuż, sfruttament finanzjarju, traskuraġni, iżolament jew kwalunkwe forma oħra ta’ vjolenza. Kull anzjan għandu d-dritt li jgħix f’ambjent sigur u li jkun protett minn kull min jipprova jisfrutta l-vulnerabbiltà tiegħu.
Illum infakkru ukoll lill-familji li kuljum qed jerfgħu responsabbiltà enormi biex jieħdu ħsieb lill-maħbubin tagħhom. Ħafna carers u qraba jagħmlu dan bi mħabba u b’dedikazzjoni kbira, iżda ħafna drabi jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ piżijiet fiżiċi, emozzjonali u finanzjarji sinifikanti. Il-familji ta’ persuni bid-dimensja, b’mod partikolari, jeħtieġu aktar appoġġ, aktar servizzi u aktar sostenn.
F’dan il-Jum Dinji għall-Anzjani, il-Partit Nazzjonalista jsellem ukoll lill-professjonisti, lill-ħaddiema, lill-carers, lill-voluntieri u lil dawk kollha li jaħdmu kuljum fil-qasam tal-anzjani. Il-ħidma tagħhom spiss issir fil-kwiet, iżda għandha valur enormi u tagħmel differenza konkreta fil-ħajja tal-anzjani.
Insellmu wkoll lill-għaqdiet tal-anzjani u lill-organizzazzjonijiet li jagħtu vuċi lil dawk li, f’ħafna każijiet, ma jkollhomx il-mezzi jew is-saħħa biex jiddefendu huma stess id-drittijiet u l-interessi tagħhom.
Fil-Jum Dinji għall-Anzjani 2026, il-messaġġ tagħna huwa ċar: id-dinjità tal-anzjani mhijiex għażla, hija dmir. Is-sigurtà tagħhom mhijiex lussu, hija responsabbiltà. U r-rispett lejhom ma jistax ikun limitat għal jum wieħed fis-sena. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem għal politika li tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru, li tipproteġi lill-vulnerabbli, li tappoġġja lill-familji u li tiżgura li kull anzjan f’pajjiżna jkun jista’ jħares lejn il-futur b’dinjità, b’serħan tal-moħħ u b’fiduċja.
Paula Mifsud Bonnici
Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva
Joe Zahra
President, Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN)
01.10.2026