Insaħħu s-sens ta’ appartenenza u inklużjoni fil-komunitajiet biex persuni bid-Down Syndrome ma jħossuhomx waħidhom

Fil-Jum Dinji tad-Down Syndrome, il-PN isellem lil dawn il-persuni u jrodd ħajr lill-għaqdiet u lil dawk kollha li jippromwovu d-drittijiet tagħhom

Studju li sar dan l-aħħar sab li 39% tal-persuni b’diżabbiltà intellettwali spiss iħossuhom waħidhom. Dan meta fil-każ ta’ persuni mingħajr diżabbiltà l-ammont ta’ dawk li jbatu mis-solitudni huwa fil-livell ta’ 14%.

Studju ieħor juri li persuni b’diżabbiltà intellettwali għandhom seba’ darbiet aktar ċans li jħossuhom waħidhom mill-pubbliku ġenerali.

Dan ma għandux ikun. Għandna nassiguraw li dawk kollha li għandhom xi tip ta’ diżabbiltà intellettwali jkunu jistgħu jgħixu ħajjithom bl-aħjar mod fis-soċjetà tagħna u għandhom jingħataw kull opportunità possibbli biex jimxu ’l quddiem.

L-importanza li flimkien niġġieldu s-solitudni hija proprju t-tema magħżula għall-Jum Dinji tad-Down Syndrome li qed jiftfakkar illum il-21 ta’ Marzu. It-tema “Together Against Loneliness – Flimkien Kontra s-Solitudni” ġiet magħżula proprju biex ikunu enfasizzati l-impatt tas-solitudni fuq individwi bid-Down Syndrome u l-importanza li nsaħħu s-sens ta’ appartenenza u l-inklużjoni fil-komunitajiet ħalli persuni bħal dawn ma jħossuhomx waħidhom.

Kull sena, din il-ġurnata sservi biex titqajjem kuxjenza aktar wiesgħa dwar id-drittijiet li għandhom jingħataw lil dawk kollha li għandhom il-kundizzjoni tad-Down Syndrome. Dawn il-persuni għandhom id-dritt għad-dinjità u għall-kwalità tal-ħajja bħal kull persuna oħra.

F’dan il-Jum, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jenfasizza l-ħtieġa ta’ rispett sħiħ lejn persuni li għandhom din il-kundizzjoni. Mhux hekk biss. Iżda rridu naraw li jkun hawn l-għarfien meħtieġ dwar din il-kundizzjoni biex inneħħu l-istigma. Għax biex inneħħu l‑istereotipi, irridu nibnu sistema li tagħti ċans ġust lil kulħadd. Pajjiż modern ma jitkejjilx bil‑kliem sabiħ, imma bil‑mod kif jittratta lil dawk li għandhom l‑aktar bżonn vuċi.

Il-PN jirringrazzja lill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome u lill-għaqdiet l-oħrajn li għandhom rwol importanti biex iressqu ’l quddiem is-suġġerimenti ta’ persuni bid-Down Syndrome u ta’ persuni li jaħdmu jew jgħixu direttament ma’ persuni bid-Down Syndrome, filwaqt li jippromwovu d-drittijiet tagħhom. Jirringrazzja wkoll lill-professjonisti kollha, li jaħdmu b’tant dedikazzjoni favur pazjenti b’din il-kundizzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li biex verament niċċelebraw dan il-jum irid ikun hawn integrazzjoni u iktar rispett lejn persuni bid-Down Syndrome, ħalli nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn in-nies.

 Graziella Galea
Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur

Albert Buttigieg
Shadow Minister għan-Newrodiversità u l-Ħarsien tat-Tfal

Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni

21.03.2026