Is-sigurtà taċ-ċittadini Maltin maqbuda fir-reġjun tal-Lvant Nofsani trid tibqa’ l-ogħla prijorità

Fil-Parlament, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li l-Oppożizzjoni qed toffri l-appoġġ sħiħ tagħha lill-Gvern fl-isforzi tiegħu biex jindirizza din is-sitwazzjoni

L-Oppożizzjoni tappella biex jiġu msaħħa u estiżi l-inizjattivi meħtieġa biex il-Maltin maqbuda fir-reġjun tal-Lvant Nofsani sforz is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa wara l-attakki fuq l-Iran jingħataw l-assistenza kollha biex dawk li jridu jiġu lura pajjizna jew imorru f’post sikur, jagħmlu dan.

Is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna trid tibqa’ l-ogħla prijorità. Il-familji tagħhom hawn Malta jistħoqqilhom informazzjoni ċara, trasparenza u serħan il-moħħ li l-Istat qed jagħmel dak kollu possibbli biex jipproteġihom.

Hekk sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fil-Parlament fi tweġiba għal Stqarrija Ministerjali li saret mill-Prim Ministru b’rabta mal-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani.

Alex Borg rringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-gvern li qed jagħmlu ħilithom kollha biex iġibu lura Malta lil dawk li jixtiequ jagħmlu dan.

Il-Kap tal-PN spjega li l-Oppożizzjoni qed issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa wara li fis-sigħat li ghaddew assistejna ghal eskalazzjoni drammatika b’attakki ta’ ritaljazzjoni fuq diversi pajjiżi, bi mwiet f’diversi pajjizi, u inċertezza kbira madwar ir-reġjun. B’ħafna Maltin jinsabu maqbuda fir-reġjun u huma milquta direttament minn din l-eskalazzjoni.

Filwaqt li kompla li qegħdin ngħixu f’mument ta’ gravità kbira, Alex Borg sostna li din is-sitwazzjoni ta’ tħassib serju titlob minna lkoll serjeta u responsabbiltà.

Huwa issa evidenti, kompla l-Kap tal-Oppożizzjoni, li dan il-kunflitt ma baqax limitat għall-fruntieri tal-pajjiżi involuti direttament. Il-komunità internazzjonali qed issegwi b’allarm u qed tappella għal trażżin u djalogu.

“F’mumenti bħal dawn jien nemmen li Malta trid tibqa’ soda fil-prinċipji tagħha ta’ forza ta’ paċi, pajjiż li jimbotta r-rispett lejn id-dritt internazzjonali, u li jimbotta d-diplomazija,” qal Alex Borg, waqt li żied li l-Oppożizzjoni qed toffri l-appoġġ sħiħ tagħha lill-Gvern ta’ Malta fl-isforzi tiegħu biex jindirizza din is-sitwazzjoni.

“B’mod partikolari, nappoġġjaw l-ħidma tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru Ian Borg, li saħaq fuq il-bżonn ta’ trażżin, il-bzonn ta’ soluzzjonijiet diplomatiċi u ta’ impenn kontinwu favur il-paċi,” sostna.

Alex Borg tenna li l-pożizzjoni ta’ pajjiżna għandha tkun konsistenti ma’ dak li lkoll nemmnu fih, jiġifieri li nimbuttaw id-djalogu flok il-gwerra, u li nimbuttaw il-paċi u mhux il-vjolenza, li nimbuttaw id-demokrazija u r-rispett tad-dinjità umana.

Dan huwa mument li jitlob għaqda nazzjonali.

“Mhux il-ħin għall-partiġjaniżmu, imma għall-kollaborazzjoni. Meta jkun hemm kriżi internazzjonali li tista’ taffettwa direttament lil pajjiżna u liċ-ċittadini tagħna, għandna nitkellmu b’vuċi waħda f’mument hekk delikat.”

B’dan l-ispirtu ta’ responsabbiltà u għaqda, temm jgħid Alex Borg, l-Oppożizzjoni tinsab lesta taħdem mal-Gvern fl-interess nazzjonali biex l-interessi ta’ pajjiżna jiġu salvagwardjati, biex kull cittadin Malti li jitlob l-għajnuna jingħata kull attenzjoni, u biex bħala pajjiz ngħaddu minn dan il-mument ta’ sfida b’kuraġġ u determinazzjoni.

02.03.2026