Is-sitwazzjoni attwali fil-qasam tas-saħħa mentali mhix aċċettabbli
Proprju ftit tal-jiem ilu kienu żvelati l-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni li saret mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal dwar il-kwalità tal-kura mogħtija lil żgħażagħ u adolexxenti bi problemi ta’ saħħa mentali fil-Young People’s Unit tal-Isptar Monte Karmeli – bl-esperti li mexxew l-inkjesta jsibu nuqqasijiet u lakuni fis-sistema.
In-nuqqas ta’ Acute Acute Psychiatric Unit f’Mater Dei qed iħalli l-pazjenti mingħajr kura adegwata u ta’ livell xieraq
Il-kura u s-servizzi tas-saħħa mentali f’pajjiżna qed jesperjenzaw diffikultajiet b’detriment għall-pazjenti u l-familji tagħhom.
In-nuqqas ta’ Acute Psychiatric Unit fl-Isptar Mater Dei qed iħalli pazjenti b’kundizzjonijiet akuti ta’ saħħa mentali mingħajr kura adegwata u ta’ livell xieraq. Din hija sitwazzjoni li ilha tkarkar diversi snin, sewwasew minn żmien il-pandemija tal-COVID-19 meta s-sala li kien hemm għal dan il-għan ġiet mibdula minħabba l-ħtiġijiet tal-pandemija.
Issa, però, għadda wisq żmien minn dakinhar u l-pazjenti morda ma jistgħux jibqgħu jistennew din it-tip ta’ kura adattata u speċjalizzata.
Dawk li jinħtieġu din it-tip ta’ kura u ma jaffordjawx li jmorru fil-privat qed ikollhom jistennew ix-xhur biex jingħataw appuntament fil-Psychiatric Outpatients jew għal konsulta. Dan huwa rifless ukoll fl-appuntamenti relatati ma’ kundizzjonijiet li jeffettwaw adolexxenti u tfal bi problemi ta’ mġiba bħal ADHD/ADD. U l-konsegwenza li dan qed iwassal għaliha huma listi ta’ stennija mhux aċċettabbli.
Proprju ftit tal-jiem ilu kienu żvelati l-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni li saret mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal dwar il-kwalità tal-kura mogħtija lil żgħażagħ u adolexxenti bi problemi ta’ saħħa mentali fil-Young People’s Unit tal-Isptar Monte Karmeli – bl-esperti li mexxew l-inkjesta jsibu nuqqasijiet u lakuni fis-sistema.
Kulħadd jaf li l-Isptar Monte Karmeli llum ma għadux adegwat għall-kura u s-servizzi tas-saħħa mentali, u sar sptar li żgur ma jixraqx lill-pazjenti, il-familjari u l-qraba, u l-ħaddiema f’dan is-settur li tant jaħdmu b’dedikazzjoni u professjonalità biex minkejja kollox, xorta waħda jipprovdu l-kura u l-attenzjoni tant meħtieġa lil dawn il-pazjenti vulnerabbli.
Fil-qasam tal-kura tas-saħħa, u aktar u aktar f’dan il-qasam daqstant sensittiv, l-ambjent għandu jkun wieħed li tassew jirrifletti l-bżonnijiet tal-pazjenti. F’dan il-qasam Malta għandha bżonn sptar modern b’ambjent li jixraq u li jikkumplimenta s-servizzi li jingħataw lill-pazjenti b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.
Il-Partit Nazzjonalista jħares lejn is-saħħa mentali b’dinjità u jħeġġeġ biex pajjiżna jkollu viżjoni li twassal biex tiġi pprovduta l-aħjar kura u biex jiġu elevati t-trattamenti f’dan il-qasam delikat b’mod li jipparagunaw mal-istess livelli tal-kura tas-saħħa fiżika.
Stephen Spiteri
Shadow Minister għas-Saħħa
14.08.2026