Is-solidarjetà m’għandhiex età

Il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-Gvern biex il-capping fuq il-kera lill-anzjani jestendiha wkoll lil dawk kollha li huma vulnerabbli

Il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-Gvern biex il-capping fuq il-kera lill-anzjani jestendiha wkoll lil dawk kollha li huma vulnerabbli

L-Oppożizzjoni tilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Awtorità tad-Djar li ma żżidx il-kera għall-pensjonanti. Din hija miżura pożittiva li se tagħti serħan il-moħħ lil ħafna anzjani.

Madankollu, ma nistgħux ninsew li fl-akkomodazzjoni soċjali jgħixu wkoll eluf ta’ persuni oħra li huma vulnerabbli daqs il-pensjonanti.

Hemm persuni b’diżabbilità, familji bi dħul baxx, ġenituri waħedhom, carers u individwi li, minkejja li jaħdmu, għandhom dħul limitat u qed jaffaċċjaw l-istess pressjonijiet tal-għoli tal-ħajja.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi għaliex din il-protezzjoni qed tkun limitata għall-pensjonanti biss?

Il-prinċipju għandu jkun li l-ebda persuna li tinsab f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà m’għandu jġorr piżijiet li ma jiflaħx għalihom.

Il-Partit Nazzjonalista jappoġġa kull miżura li tgħin lin-nies, iżda fl-istess ħin jinsisti fuq politika ġusta, inklussiva u li ma tħalli lil ħadd barra. Politika li għandha tħares ukoll lis-sidien ta’ proprjetajiet li qed jintużaw mill-Awtorità tad-Djar li għandhom dritt jirċievu kirja xierqa skont il-prezz tas-suq.

Is-solidarjetà m’għandhiex età imma għandha tilħaq lil kull min għandu bżonnha.

Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Politika Soċjali, il-Familja u l-Housing Soċjali

17.07.2026