Is-suċċess ta’ Malta fil-qasam marittimu nbena min-nies fis-settur
Fil-Jum Dinji għall-Marittimu, irridu ngħidu grazzi lil dawk li bnew is-suċċess ta’ dan is-settur. Imma r-rikonoxximent waħdu mhux biżżejjed. Irridu nisimgħu x’qed jaħdem, fejn hemm id-diffikultajiet u x’deċiżjonijiet hemm bżonn biex Malta tibqa’ b’saħħitha f’dan il-qasam daqshekk importanti.
Fil-Jum Dinji għall-Marittimu l-Partit Nazzjonalista jħabbar li se jorganizza konferenza dwar il-futur ta’ dan il-qasam
Fil-Jum Dinji għall-Marittimu, il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-ħaddiema u lill-professjonisti kollha li jagħtu ħajja lis-settur marittimu Malti. Il-pożizzjoni li Malta kisbet fil-qasam tal-bastimenti u l-jottijiet, fil-portijiet, fil-loġistika u fis-servizzi marittimi huma frott il-ħidma, l-għarfien u l-impenn tagħhom.
Għal pajjiż gżira, il-qasam marittimu huwa essenzjali għall-provvisti li jaslu Malta, għall-kummerċ, għall-impjiegi u għall-konnessjonijiet tagħna mad-dinja. Is-suċċessi tas-settur jistħoqqilhom rikonoxximent. Jistħoqqilhom ukoll politika li tisma’ lil dawk li jaħdmu f’dan il-qasam u tgħinhom iħejju ruħhom għall-bidliet li ġejjin.
It-tema magħżula mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għall-jum dinji ddedikat lill-qasam marittimu din is-sena hi From Policy to Practice: Powering Maritime Excellence. Għal Malta, dan ifisser li d-deċiżjonijiet dwar il-futur tas-settur iridu jitfasslu u jitwettqu flimkien ma’ dawk li kuljum iħabbtu wiċċhom mar-realtajiet tiegħu.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed iħabbar li se jkun qed jorganizza konferenza ddedikata lis-settur marittimu nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Diċembru 2026. Din il-konferenza se tlaqqa’ flimkien ħaddiema, rappreżentanti tal-industrija u esperti biex niddiskutu l-vantaġġi li Malta bniet, id-diffikultajiet li qed jiffaċċja s-settur lokalment u fuq livell Ewropew, u x’għandu jsir biex Malta tkun ippreparata għall-futur.
Fost is-suġġetti li se jiġu diskussi se jkun hemm il-kompetittività, l-ispejjeż, il-konnettività marittima, il-ħiliet u l-opportunitajiet għall-ħaddiema, l-innovazzjoni u t-tranżizzjoni lejn operat aktar nadif. Se nisimgħu wkoll kif il-policies u r-regoli Ewropej qed jolqtu lil gżira bħal Malta.
Fil-Jum Dinji għall-Marittimu, irridu ngħidu grazzi lil dawk li bnew is-suċċess ta’ dan is-settur.
Imma r-rikonoxximent waħdu mhux biżżejjed. Irridu nisimgħu x’qed jaħdem, fejn hemm id-diffikultajiet u x’deċiżjonijiet hemm bżonn biex Malta tibqa’ b’saħħitha f’dan il-qasam daqshekk importanti.
Il-konferenza li se jorganizza l-Partit Nazzjonalista f’Diċembru li ġej se tkun opportunità biex nibnu dik il-ħidma flimkien.
Ivan Castillo
Shadow Minister għall-Mobbiltà Sostenibbli
24.09.2026
– Agħfas hawn biex tara messaġġ mix-Shadow Minister responsabbli mill-qasam marittimu Ivan Castillo għal dan il-Jum