Issa kkonfermat mill-NSO: il-Gvern iddejjen nofs biljun ewro ieħor fl-aħħar xahar qabel sejjaħ elezzjoni bikrija
Matul ix-xahar ta’ April biss – l-aħħar xahar qabel sejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija – Robert Abela ddejjen xejn inqas minn €558 miljun, jiġifieri aktar minn nofs biljun ewro f’xahar wieħed biss.
L-istatistika tal-NSO li l-Gvern żamm milli tinħareġ lejliet l-elezzjoni bl-iskuża tal-jum ta’ riflessjoni tikkonferma kif il-Labour kompla jżid id-dejn biex issa jlaħħaq kważi €12-il biljun
Matul ix-xahar ta’ April biss – l-aħħar xahar qabel sejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija – Robert Abela ddejjen xejn inqas minn €558 miljun, jiġifieri aktar minn nofs biljun ewro f’xahar wieħed biss.
Dan joħroġ minn statistika ppubblikata llum mill-uffiċċju tal-istatistika tal-gvern, l-istess statistika tal-NSO li suppost ħarġet fl-aħħar tax-xahar li għadda imma li l-Gvern Laburista waqqafha milli toħroġ bl-iskuża tal-jum ta’ riflessjoni.
L-istess ċifri li suppost ħarġu nhar il-Ġimgħa jikkonfermaw dak li żvela l-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni dwar id-dejn pubbliku eżorbitanti li għamel il-Labour fl-aħħar xahar qabel l-elezzjoni.
B’kollox, turi l-istatistika tal-NSO għall-perjodu bejn Jannar u April 2026, f’perjodu ta’ sena Robert Abela u Clyde Caruana kabbru d-dejn ta’ pajjiżna b’aktar minn biljun ewro (€1,139 miljun, jew 10.5%) biex issa d-dejn nazzjonali jinsab fil-livell ta’ kważi €12-il biljun (€11,974 miljun). Nofs dan il-biljun ewro dejn f’sena sar f’April, jiġifieri fl-aħħar xahar ta’ qabel l-elezzjoni biss.
Dan ixxejjen l-argument li pprova jagħmel Clyde Caruana qabel l-elezzjoni li mhux veru li pajjiżna jiddejjen biljun ewro f’sena. Fil-fatt, iċ-ċifri li ppubblika l-NSO illum igiddbuh, għax iddejjen aktar minn hekk!
Dawn iċ-ċifri tad-dejn tal-gvern mhux biss jikkonfermaw l-inkompetenza iżda wkoll il-qerq ta’ Robert Abela u Clyde Caruana li mhux talli ndaħlu fil-ħidma tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika biex jaħbu din l-informazzjoni, imma talli ppruvaw jitfgħu dubju fuq l-argumenti tal-Partit Nazzjonalista, liema argumenti ġew ikkonfermati bħala korretti bl-informazzjoni maħruġa llum mill-istess NSO.
L-istess NSO jikkonferma wkoll kif il-poplu Malti qed ikollu jħallas ukoll dejjem aktar f’imgħax fuq id-dejn ta’ Robert Abela u Clyde Caruana, hekk kif l-imgħax fuq id-dejn żdied b’€10.7 miljun għal €105 miljun meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
L-istatistika ppubblikata llum tikkonferma li fejn jidħol id-dejn, f’ħames snin Robert Abela rnexxielu jiddejjen iktar mid-dejn kollu li l-mexxejja kollha ta’ pajjiżna għamlu flimkien fil-55 sena ta’ qabel.
Il-Partit Nazzjonalista, naturalment, jilqa’ l-aħbar rappurtata fil-media li l-Kummissjoni Ewropea sa fl-aħħar ħarġet lil Malta mill-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv b’rabta mal-qagħda tal-finanzi tal-gvern – anke jekk aktar minn sena tard.
Proċedura li bħalma kien ġara fil-każ tal-greylisting tal-FATF, kien il-Labour ta’ Abela u Clyde Caruana li daħħalna fiha minħabba li ma konniex konformi mal-miri finanzjarji maqbula. Clyde Caruana kien ftaħar f’Marzu 2025 li l-finanzi tant kienu sejrin tajjeb li konna se noħorġu kmieni minn din il-Proċedura imma kellna nistennew sal-lum biex dak li qalilna dakinhar sar realtà.
03.06.2026