Issa nafu għala tefgħu ż-żrar f’Ta’ Qali: iridu li flok picnics jibdew isiru l-attivitajiet tal-massa

Il-Gvern qed jitlob €2,500 biex il-picnic area tintuża għall-attivitajiet

Issa nafu għala saret it-tbażwira taż-żrar fil-picnic area f’Ta’ Qali, li sa issa swiet aktar minn €300,000 lill-poplu Malti.

Issa mhux talli l-familji u ż-żgħażagħ li kienu jmorru jgawdu ftit ħin ta’ mistireħ hemm ma jistgħux jerġgħu jagħmlu hekk, imma talli għal din iż-żona l-Gvern se jibda jitlob €2,500 mingħand min irid jużaha għall-attivitajiet tal-massa.

Dan kollu jikxef li l-froġa taż-żrar ma kienet żball xejn. U li din iż-żona l-Gvern seraqha lill-familji biex jużaha għal attivitajiet li jistgħu faċilment isiru f’żoni oħra apposta.

Iż-żejt qed jitla’ f’wiċċ l-ilma. Imma l-ħaxix f’Ta’ Qali, milli jidher, fadallu biex jitla’.

17.02.2026