Ix-xandir pubbliku maħtuf minn Gvern li moħħu biex idgħajjef il-libertà tal-media f’Malta
Issa, minn tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari (795) li għamel fil-Kamra d-Deputat Nazzjonalista Michael Piccinino, irriżulta li TVM, fl-aħħar sena waqt l-aħbarijiet, xandar 532 Sound on Tape tal-Prim Ministru jew rappreżentanti oħra tal-Gvern. Fl-istess perjodu TVM xandar biss 66 Sound on Tape fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni, xi membru tal-Oppożizzjoni jew esponent Nazzjonalista nstemgħu jagħtu l-kummenti tagħhom. Żbilanċ assolut li jikxef kif TVM hu għalkollox immanipulat mill-Gvern li rrendieh f’xejn aktar minn noticeboard tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-mod kif il-Gvern Laburista ilu s-snin jikkontrolla x-xandir pubbliku
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-istat tal-mistħija li fih il-Gvern Laburista wassal lill-media f’pajjiżna, b’mod partikolari lix-xandir pubbliku, li suppost ikun għas-servizz tal-poplu kollu iżda li llum ġie ridott għal għodda oħra ta’ propaganda tal-Gvern.
TVM m’għadux qed jaġixxi bħala xandir pubbliku imma bħala estensjoni tal-magna tal-komunikazzjoni tal-Gvern. Minflok jinforma, jagħżel. Minflok jibbilanċja, jgħatti. Minflok jagħti stampa sħiħa, ipinġi realtà waħda biss, dik li taqbel lill-Partit Laburista fil-Gvern.
Dan huwa abbuż gravi mill-istituzzjonijiet tal-Istat. Huwa abbuż mill-flus tal-poplu, u huwa insult lejn l-intelliġenza ta’ kull ċittadin li jħallas biex ikollu xandir pubbliku imparzjali, iżda minflok jingħata Super One 2.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-Awtorità tax-Xandir diġà kellha tintervjeni b’rabta mal-mod żbilanċjat kif TVM qed jittratta l-preżenza tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni fl-aħbarijiet, fosthom fix-xandir ta’ kummenti tar-rappreżentanti tal-Gvern u l-Oppożizzjoni f’dak li huwa magħruf bħala Sound on Tape, jew SOT.
Issa, minn tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari (795) li għamel fil-Kamra d-Deputat Nazzjonalista Michael Piccinino, irriżulta li TVM, fl-aħħar sena waqt l-aħbarijiet, xandar 532 Sound on Tape tal-Prim Ministru jew rappreżentanti oħra tal-Gvern. Fl-istess perjodu TVM xandar biss 66 Sound on Tape fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni, xi membru tal-Oppożizzjoni jew esponent Nazzjonalista nstemgħu jagħtu l-kummenti tagħhom. Żbilanċ assolut li jikxef kif TVM hu għalkollox immanipulat mill-Gvern li rrendieh f’xejn aktar minn noticeboard tiegħu.
Dan l-eżerċizzju sistematiku biex l-Oppożizzjoni tiġi żvantaġġjata, il-Gvern qed ikompli jiddefendih, kif għamel il-Ministru responsabbli Malcolm Paul Agius Galea fis-seduta Parlamentari tal-bieraħ meta baqa’ jiġġustifika dan l-aġir illegali tal-PBS minkejja li hemm numru ta’ deċiżjonijiet tal-Awtorità tax-Xandir li jikkundannaw lill-PBS dwar dan.
Dan mhux ġurnaliżmu. Din mhix informazzjoni. Dan mhux servizz pubbliku.
Din hija propaganda mħallsa mit-taxxi tan-nies.
Il-Gvern ta’ Robert Abela mhux talli ma saħħaħx il-libertà tal-media, talli kompla jkabbar kultura fejn il-media indipendenti titpoġġielha sarima, fejn il-mistoqsijiet skomdi ma jiġux imwieġba, fejn l-informazzjoni pubblika tinżamm moħbija, u fejn ix-xandir pubbliku jintuża bħala tarka għall-Gvern Laburista minflok biex jinżamm kontabbli.
Il-konsegwenza ta’ dan kollu qed narawha riflessa fil-pożizzjoni tal-mistħija li tinsab fiha Malta llum fil-qasam tal-libertà tal-istampa.
Pajjiżna – suppost pajjiż demokratiku Ewropew modern – qiegħed jaqa’ dejjem aktar lura f’wieħed mill-aktar pilastri importanti ta’ soċjetà ħielsa: media ħielsa, b’saħħitha u indipendenti.
F’pajjiż fejn il-media tiġi mdgħajfa, sistematikament, huwa l-poplu li jitlef. Għax meta l-Gvern jikkontrolla n-narrattiva, jonqos l-iskrutinju. Meta jonqos l-iskrutinju, tikber l-arroganza. U meta tikber l-arroganza, jiżdiedu l-abbużi.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-PBS irid jinħeles mill-ħakma politika tal-Gvern. Ix-xandir pubbliku għandu jerġa’ jsir xandir tal-poplu, mhux tal-Kabinett. Għandu jagħti spazju ġust lill-Oppożizzjoni, lis-soċjetà ċivili u lil kull min għandu dritt jinstema’ f’demokrazija normali.
Ir-responsabbiltà politika għall-mod kif TVM qed ikun immanipulat taqa’ kollha fuq Robert Abela. Gvern li jibża’ mill-mistoqsijiet, jibża’ mill-verità. U gvern li jibża’ mill-verità, m’għandux dritt juża x-xandir pubbliku u l-ħaddiema tiegħu biex jaħbi d-dgħufijiet tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ juża l-għodod kollha biex jiddefendi l-libertà tal-media, id-dritt tal-poplu li jkun infurmat b’mod sħiħ u ġust, u l-ħtieġa li Malta jkollha istituzzjonijiet li jaqdu liċ-ċittadin u mhux lill-Partit Laburista fil-gvern.
Justin Schembri
Shadow Minister għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali
09.07.2026
– Agħfas hawn għall-messaġġ tax-Shadow Minister Justin Schembri.
