Jeħtieġ isir aktar biex is-sistema ma teskludi lil ħadd

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-inizjattiva tas-Service Dogs Malta Foundation li permezz tagħha ġie organizzat taħriġ dwar kif klieb imħarrġa jistgħu joffru appoġġ lil tfal b’diżabilità u bi bżonnijiet edukattivi differenti f’ambjenti edukattivi u terapewtiċi.

Il-PN jgħid li l-Gvern irid jinvesti aktar f’faċilitajiet u servizzi li jwasslu għall-inklużjoni ta’ kull persuna

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-inizjattiva tas-Service Dogs Malta Foundation li permezz tagħha ġie organizzat taħriġ dwar kif klieb imħarrġa jistgħu joffru appoġġ lil tfal b’diżabilità u bi bżonnijiet edukattivi differenti f’ambjenti edukattivi u terapewtiċi.

Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi l-ħidma tas-Service Dogs Malta Foundation, għaqda volontarja li għandha fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha t-taħriġ ta’ klieb sabiex ikunu ta’ assistenza lil persuni b’diżabilitajiet differenti.

Inizjattivi bħal dawn juru kif metodi innovattivi jistgħu jikkontribwixxu għall-benesseri, l-iżvilupp u l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-ħajja skolastika. Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi l-kontribut importanti tal-organizzazzjonijiet volontarji u tal-professjonisti li jaħdmu biex joħolqu opportunitajiet ġodda għal dawn it-tfal.

Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jemmen li inizjattivi bħal dawn għandhom ikunu parti minn viżjoni olistika nazzjonali għall-edukazzjoni inklużiva, li tħares lejn il-ħtiġijiet differenti ta’ kull tifel u tifla u lejn l-ambjent edukattiv kollu kemm hu.

Din il-viżjoni għandha tinkludi l-introduzzjoni ta’ kamra multisensorja u kamra ta’ trankwillità (white room) f’kull skola, sabiex l-istudenti jkollhom aċċess għal ambjenti adattati għall-ħtiġijiet sensorji u emozzjonali tagħhom. Dawn il-faċilitajiet jistgħu jgħinu lit-tfal jirregolaw l-emozzjonijiet tagħhom, jirregolaw aħjar l-istimoli sensorji, inaqqsu l-ansjetà u jerġgħu jiksbu l-kalma u l-konċentrazzjoni meħtieġa għat-tagħlim. Dawn il-faċilitajiet jistgħu jkunu ta’ benefiċċju mhux biss għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu, iżda wkoll għal studenti oħra li jesperjenzaw diffikultajiet fir-regolazzjoni emozzjonali jew sensorja.

Flimkien ma’ dawn il-faċilitajiet, jeħtieġ aktar investiment f’servizzi professjonali speċjalizzati u f’taħriġ kontinwu għall-għalliema u l-Learning Support Educators, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw u jindirizzaw il-ħtiġijiet individwali tal-istudenti b’mod effettiv.

Hemm bżonn ukoll li jkomplu jissaħħu s-servizzi edukattivi speċjalizzati għal tfal li jeħtieġu appoġġ intensiv, inklużi tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu, sabiex kull student ikollu aċċess għal ambjent edukattiv li jirrispetta l-ħtiġijiet u l-potenzjal individwali tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel, il-familji, il-professjonisti u l-organizzazzjonijiet volontarji tista’ twassal għal sistema edukattiva aktar inklużiva, fejn inizjattivi innovattivi jikkomplementaw servizzi u strutturi ta’ appoġġ stabbiliti.

L-inklużjoni mhijiex inizjattiva waħda, iżda impenn kontinwu biex kull tifel u tifla jsibu l-appoġġ, l-opportunitajiet u l-ambjent edukattiv li għandhom bżonn biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.

Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza

Graziella Galea
Shadow Minister għall-Inklużjoni

16.11.2026