Johann Buttigieg għandu jirriżenja
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li min imexxi istituzzjoni pubblika bħall-Awtorità tal-Ippjanar għandu jkun aċċessibbli imma fl-istess ħin integru. Hemm linja ċara li qatt ma għandha tinqabeż.
Robert Abela ma jistax ikompli jiddefendi dak li mhux difensibbli
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li min imexxi istituzzjoni pubblika bħall-Awtorità tal-Ippjanar għandu jkun aċċessibbli imma fl-istess ħin integru.
Hemm linja ċara li qatt ma għandha tinqabeż.
Dik il-linja tinqabeż meta r-relazzjoni bejn min għandu f’idejh poter regolatorju u persuni li għandhom interess dirett f’deċiżjonijiet tal-istess Awtorità tmur lil hinn mill-qadi tal-funzjoni pubblika u tibda tesponi interessi personali, prospetti ta’ negozju jew relazzjonijiet li joħolqu kunflitt bejn l-interess privat u d-dmir pubbliku.
Dak li issa ġie espost fid-dettall dwar Johann Buttigieg iqajjem proprju din il-problema fundamentali.
Il-kwistjoni mhijiex jekk Chairperson tal-Awtorità għandux jitkellem ma’ żviluppatur jew ma’ applikant.
Il-kwistjoni hija x’tip ta’ relazzjoni kellu magħhom, x’interessi privati kienu qed jiġu diskussi, u jekk persuna li għandha poter eżekuttiv fuq regolatur nazzjonali setgħetx tibqa’ titqies bħala indipendenti u imparzjali waqt li kienet qed tesprimi interess li tidħol f’negozju ma’ persuni li kellhom interessi quddiem l-istess Awtorità.
Hawnhekk tidħol ukoll ir-responsabbiltà diretta tal-Prim Ministru Robert Abela.
Kien magħruf li kienu jeżistu dawn il-komunikazzjonijiet u kienu diġà ħarġu elementi minnhom fil-pubbliku. Iżda dak li qed naraw issa huwa stampa ferm aktar ċara u dettaljata tal-profondità tar-relazzjoni u tal-kunflitt ta’ interess li din setgħet toħloq.
Minkejja dak li kien diġà magħruf, Robert Abela fl-2025 għażel personalment li jerġa’ jaħtar lil Johann Buttigieg fit-tmun tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Illum, minflok jifhem il-gravità ta’ dak li ġie żvelat u jiddefendi l-integrità tal-istituzzjoni, Robert Abela qiegħed jagħżel li jiddefendi lil Johann Buttigieg.
Il-Prim Ministru ma jistax jaħrab mill-mertu tal-kwistjoni billi jgħid li l-eżistenza ta’ dawn iċ-chats kienet magħrufa.
Il-mistoqsija mhijiex meta sirna nafu li jeżistu ċ-chats. Il-mistoqsija hija x’juru ċ-chats dwar il-mod kif kien qed iġib ruħu l-bniedem li kien imexxi – u li Robert Abela reġa’ għażel biex imexxi – l-Awtorità tal-Ippjanar.
L-indipendenza ta’ regolatur ma għandhiex biss teżisti. Trid tidher li teżisti.
Min għandu poter fuq eluf ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw il-proprjetà tan-nies, l-ambjent, l-iżvilupp u miljuni ta’ ewro f’interessi kummerċjali għandu jkun ’il fuq minn kull dubju raġonevoli ta’ kunflitt bejn l-interess pubbliku u interess privat.
F’dawn iċ-ċirkostanzi hemm azzjoni responsabbli waħda biss.
Johann Buttigieg għandu jirriżenja minnufih minn Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar.
U jekk Johann Buttigieg ma jagħmilx dan minn jeddu, Robert Abela għandu jneħħih.
Kull ġurnata li Robert Abela jibqa’ jiddefendih, il-Prim Ministru jkun qiegħed jagħmel tiegħu mhux biss id-deċiżjoni li reġa’ ħatru, iżda wkoll ir-responsabbiltà politika li jżommu fit-tmun tal-Awtorità wara dak kollu li issa ħareġ fil-beraħ.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti fuq Awtorità tal-Ippjanar li tkun aċċessibbli għal kulħadd, iżda li fl-istess ħin tkun indipendenti, imparzjali u ħielsa minn kull kunflitt bejn poter pubbliku u interess privat.
Dan huwa l-istandard minimu li pajjiżna għandu jistenna minn min jingħata l-fiduċja li jmexxi waħda mill-aktar awtoritajiet b’saħħithom f’Malta.
09.09.2026