Kemmuna hi tal-poplu, mhux ta’ min jaħkem l-ispazju pubbliku

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bla riżervi dak li ġie rrappurtat mill-MaltaToday, fejn uffiċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu dehru jgħidu lil persuna biex titlaq minn żona f’Kemmuna okkupata bis-sunbeds, bl-argument li l-post “mhux pubbliku”.

Il-Partit Nazzjonalista jitlob spjegazzjoni mill-Gvern dwar jekk Kemmuna għadhiex tal-Maltin u l-Għawdxin kollha jew saritx biss ta’ dawk tal-qalba

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bla riżervi dak li ġie rrappurtat mill-MaltaToday, fejn uffiċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu dehru jgħidu lil persuna biex titlaq minn żona f’Kemmuna okkupata bis-sunbeds, bl-argument li l-post “mhux pubbliku”.

Dan hu inaċċettabbli u jitlob spjegazzjoni ċara mill-Gvern dwar jekk Kemmuna għadhiex tal-Maltin u l-Għawdxin jew saritx monopolju ta’ xi ħadd tal-qalba.

Kemmuna, u b’mod partikolari l-Blue Lagoon, huma parti mill-wirt naturali tal-poplu Malti u Għawdxi. L-ebda konċessjoni kummerċjali ma tista’ tagħti lil operaturi privati, jew lil xi awtorità pubblika, id-dritt li jittrattaw bajja pubblika bħallikieku kienet proprjetà privata, u l-Gvern għandu jagħti tweġiba ċara dwar dak li seħħ.

Dan mhux inċident iżolat u l-istorja qiegħda sempliċement tirrepeti ruħha kull sena. Dan hu sintomu ċar ta’ mudell ta’ governanza fejn l-interess kummerċjali ta’ erbgħa min-nies tal-qalba jingħata prijorità fuq id-dritt tal-pubbliku, fuq il-ħarsien ambjentali u fuq il-prinċipju bażiku li l-ispazji pubbliċi huma ta’ kulħadd.

Il-Gvern Laburista ilu snin iwiegħed li se jġib ordni f’Kemmuna. Minflok, sena wara sena, naraw l-istess kaos, l-istess konċessjonijiet, l-istess pressjoni fuq sit Natura 2000, u issa saħansitra sitwazzjoni fejn persuna tintalab titlaq minn spazju pubbliku biex jibqa’ post għal sunbeds.

Dan hu eżattament għalfejn il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li l-Gvern jippubblika minnufih l-Istudju dwar il-Carrying Capacity ta’ Kemmuna. Il-pubbliku għandu dritt ikun jaf kemm Kemmuna tiflaħ viżitaturi, x’rakkomandazzjonijiet saru, x’deċiżjonijiet ittieħdu u għaliex dawn id-deċiżjonijiet qed jibqgħu jinżammu moħbija. Fuq kollox il-Maltin u l-Għawdxin għandhom dritt igawdu Kemmuna għax din hi art pubblika.

Il-Partit Nazzjonalista jitlob spjegazzjoni immedjata mingħand il-Ministru responsabbli u l-MTA dwar min ta l-istruzzjonijiet biex persuna titneħħa minn dik iż-żona, fuq liema bażi ntqal li l-post “mhux pubbliku”, u x’passi se jittieħdu biex dan ma jerġax iseħħ.

Il-PN jerġa’ jisħaq li Kemmuna għandha tiġi mħarsa, mhux maħkuma minn min irid jagħmel il-profitt minnha.

Il-Gvern għandu jieqaf jiddefendi sistema li falliet u jibda jiddefendi dak li suppost hu tiegħu: id-dritt tal-poplu li jgawdi l-ispazji pubbliċi ta’ pajjiżu.

Il-Partit Nazzjonalista bħala Oppożizzjoni għandu l-obbligu li jħares l-interess tan-nies. U hekk se jagħmel.

24.06.2026