Kull ġurnata jkollna konferma ġdida ta’ Gvern li jisparpalja flusek flok jinvestihom fis-saħħa
Gvern Laburista mhux se jirkupra €2,000,000 f’penali u se jħallas kważi €1,800,000 oħra fi spejjeż
Ma’ kull jum li jgħaddi niskopru b’aktar miljuni moħlija minn Gvern li ma jafx x’laqtu.
Ilbieraħ tkellimna dwar is-sitwazzjoni tal-Hub ta’ Raħal Ġdid, li tliet snin wara li suppost beda jservi lir-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta għadu magħluq u mingħajr ebda ħjiel dwar meta se jiftaħ.
Illum it-Times of Malta żvelat li l-Gvern irid iħallas €1,800,000 fi spejjes lill-konsorzju li kellu jipprovdi apparat għal dan iċ-ċentru, li s’issa għadu ma rax l-ewwel pazjent tiegħu.
Dan minbarra li mhux se jirnexxielu jirkupra ż-€2,000,000 f’multi li kien diġà impona fuq il-konsorzju.
Dan it-taħwid kollu żviluppa wara li l-Gvern waqqaf id-deal li kien għamel hu stess ftit snin ilu mal-istess konsorzju li għażel hu.
Għandna Gvern bla pjan u bla viżjoni fis-saħħa u li jaħseb li flus il-ħaddiem jista’ jberbaqhom kif irid, mhux Gvern li jaħseb fil-poplu. Gvern li jaħseb biss fih innifsu u f’ta madwaru.
Int taħdem u tħallas it-taxxi biex mingħalik ikollok servizz tas-saħħa li tista’ torbot fuqu u Robert Abela u sħabu minflok jinvestuhom f’saħħtek, iberbquhom.
Adrian Delia
Shadow Minister għas-Saħħa
Ian Vassallo
Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali
11.12.2024