L-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza ma jgħaddix mill-Parlament wara li l-Gvern iwebbes rasu
Kif diġà ddikjarat aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għandha riżervi dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi u minħabba li ma ngħatax żmien biżżejjed għal konsultazzjoni u skrutinju parlamentari adegwat, iddikjarat li kienet qed tirriżerva l-pożizzjoni u l-vot tagħha fuq kull artikolu tal-Abbozz ta’ Liġi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza matul l-istadju tal-Kumitat.
L-Abbozz ma jiksibx iż-żewġ terzi meħtieġa – flok baxxa rasu u sema’ mill-appelli tal-Oppożizzjoni u ta’ 26 għaqda tas-soċjetà ċivili, il-Gvern jibqa’ għaddej bil-vot
Il-Gvern illum baqa’ jwebbes rasu minkejja l-appelli tal-Oppożizzjoni u ta’ 26 għaqda tas-soċjetà ċivili u ressaq għall-vot fil-Parlament b’għaġla u mingħajr konsultazzjoni l-Abbozz ta’ Liġi li jwaqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.
Dan l-abbozz kien jinħtieġ il-vot taż-żewġ terzi tal-Kamra biex il-liġi tkun approvata, u wara li l-Oppożizzjoni ħarġet ’il barra mill-Kamra tar-Rappreżentanti meta wasal il-ħin tal-vot, il-liġi ma għaddietx.
Kif diġà ddikjarat aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għandha riżervi dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi u minħabba li ma ngħatax żmien biżżejjed għal konsultazzjoni u skrutinju parlamentari adegwat, iddikjarat li kienet qed tirriżerva l-pożizzjoni u l-vot tagħha fuq kull artikolu tal-Abbozz ta’ Liġi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza matul l-istadju tal-Kumitat.
Wara li l-Gvern Laburista – flok aċċetta li ssir il-konsultazzjoni xierqa biex l-Abbozz jiġi rivedut – u xorta baqa’ għaddej billi llejla ressaq għall-vot finali dan l-Abbozz ta’ Liġi, l-Oppożizzjoni ħarġet ’il barra mill-Kamra u l-Abbozz ma għaddiex.
L-istess pożizzjoni ttieħdet fl-aħħar sigħat minn għadd kbir ta’ NGOs u għaqdiet tas-soċjetà ċivili li qed jaqblu mal-Oppożizzjoni u huma wkoll talbu aktar żmien għal konsultazzjoni u skrutinju serju f’dan ir-rigward.
Fost dawk li semmgħu leħinhom kontra l-mod kif mexa l-Gvern fir-rigward ta’ din il-liġi kien hemm ir-rappreżentanti ta’ min inħaddem, tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni, għaqdiet tan-nisa u anke l-iskejjel tal-Knisja li kkritikaw lill-Gvern Laburista li baqa’ għaddej b’din il-liġi mingħajr ma saret konsultazzjoni magħhom.
Il-Malta Insurance Association hija preokkupata dwar il-bidliet li se jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kumpaniji tal-insurance u anke fuq il-policyholders.
Il-Kamra tal-Ispiżjara hija tal-fehma li l-leġiżlazzjoni kif proposta timmina drittijiet eżistenti li ilhom igawdu minnhom l-ispiżjara għal snin twal.
Il-Malta Women’s Lobby qed tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza se tiġi xolta biex il-funzjonijiet tagħha se jgħaddu għand istituzzjoni li għandha remit marbut mad-drittijiet tal-bniedem li hu ferm aktar wiesgħa.
L-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika ddikjaraw li filwaqt li għandu jkun hemm ugwaljanza u rispett għad-dinjità ta’ kull persuna, irid ikun assigurat ukoll li jiġu rispettati d-drittijiet kostituzzjonali u l-libertajiet tas-setturi kollha tas-soċjetà, inkluż tal-istituzzjonijiet edukattivi li jridu jippromwovu l-etos reliġjuż distintiv tagħhom. Magħhom ingħaqdu Doctors for Life u l-Life Network Foundation Malta li appellaw lill-Gvern biex jipposponi l-vot biex issir konsultazzjoni wiesgħa.
L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem akkużat lill-Gvern li jrid jgħaddi b’għaġla din il-liġi mill-Parlament qabel il-waqfa għas-sajf mingħajr ma saret il-konsultazzjoni li kellha ssir mal-imsieħba fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Il-Malta Employers appellat lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jaqblu li jipposponu d-dibattitu u l-vot finali fuq din il-liġi.
Il-UĦM Voice of the Workers ukoll sejħet għal proċess ta’ konsultazzjoni pubblika kif suppost u qalet li din il-liġi se jkollha implikazzjonijiet fuq il-ħaddiema, min iħaddem, it-trade unions, istituzzjonijiet pubbliċi u s-soċjetà inġenerali. Għalhekk hemm il-ħtieġa ta’ kunsens wiesgħa u analiżi serja ta’ dak li qed jiġi propost – xi ħaġa li ma setgħetx issir minħabba ż-żmien qasir li kien hemm bejn meta ġie ppubblikat l-abbozz u meta tressaq għall-vot.
Il-Malta Chamber ukoll kitbet lill-Ministru Rosianne Cutajar u talbet biex id-dibattitu finali u l-vot fuq dan l-Abbozz jiġu posposti.
Numru ieħor ta’ NGOs li, ironikament, kollha ġejjin mill-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, ukoll semmgħu leħinhom u saħanistra esprimew id-diżappunt tagħhom li l-Ministru għall-Ugwaljanza injorat għalkollox il-proposti li ressqu. Ilmentaw ukoll li ma ngħatawx ċans jqaraw sew il-liġi u jikkummentaw dwarha. Il-lista ta’ dawn l-NGOs tinkludi lill-Fondazzjoni aditus, l-African Media Association Malta, Checkpoint Malta, Dance Beyond Borders, il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, il-Foundation for the Ukrainian Community of Malta, Humanists Malta, JRS Malta, l-MGRM, il-Kummissjoni Emigranti, il-Migrant Women Association Malta, il-Moviment Graffitti, Repubblika, il-Fondazzjoni Richmond, SOS Malta u SPARK 15.
22.07.2026