L-ansjetà fost il-Maltin hi riżultat ta’ kwalità tal-ħajja li sejra lura
L-Ewrobarometru juri kif il-Maltin huma aktar anzjużi minn sħabhom l-Ewropej
L-Ewrobarometru juri kif il-Maltin huma aktar anzjużi minn sħabhom l-Ewropej
Il-Maltin huma aktar anzjużi minn sħabhom Ewropej. Riżultati li rriżultaw mill-Ewrobarometru li sar fl-aħħar jiem juru li l-Maltin qed iħossuhom aktar anzjużi mill-medja Ewropea. Dan ir-riżultat jipponta lejn kwalità tal-ħajja li kulma jmur sejra dejjem lura.
Ir-riżultati tal-Ewrobarometru għandhom iservu ta’ twissija serja għall-Gvern u ta’ inċentiv biex min qed imexxi lil pajjiżna jqis l-ewwel u qabel kollox l-impatt ta’ kull deċiżjoni li jieħu fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Tlieta minn kull għaxar Maltin jgħidu li l-ansjetà hi fost l-emozzjonijiet li l-aktar jiddeskrivu l-istat tagħhom illum. Din mhijiex sempliċi statistika imma hi indikatur ta’ kif qed iħossuhom in-nies. Hu rifless ta’ pajjiż fejn in-nies qed jgħixu taħt pressjoni kontinwa: pressjoni mill-għoli tal-ħajja, mit-traffiku, mill-kirjiet u l-prezzijiet tal-proprjetà, mill-piż fuq is-servizzi pubbliċi u minn mudell ekonomiku li qed ikabbar in-numri, iżda mhux neċessarjament il-benesseri tan-nies.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li s-suċċess ta’ pajjiż ma jitkejjilx biss bil-figuri ekonomiċi, iżda bil-kwalità tal-ħajja tal-familji, tal-ħaddiema, taż-żgħażagħ u tal-anzjani.
L-ekonomija li tikber fuq il-karta ma ssolvi xejn għal dawk li fil-ħajja ta’ kuljum qed iħossuhom dejjem aktar anzjużi.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti għal politika li tpoġġi lin-nies l-ewwel: b’pagi aħjar, ambjent aktar seren, komunitajiet aktar siguri, servizzi pubbliċi li jlaħħqu u ekonomija li sservi lill-bniedem, mhux bil-kontra.
Malta għandha bżonn direzzjoni ġdida li terġa’ tagħti lin-nies sens ta’ serħan il-moħħ, f’pajjiż fejn iħossuhom siguri u sereni, mhux anzjużi.
Eve Borg Bonello
Shadow Minister għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali
Ian Vassallo Hagi
Kelliem għall-Kwalità tal-Ħajja
01.07.2026