L-ebda Sindku jew Kunsillier Lokali ma għandu jbati personalment talli jiddefendi l-lokalità tiegħu

Il-Kunsilli Lokali diġà ddgħajfu minn Gvern li neżżagħhom mill-biċċa l-kbira tal-poteri u nixxfilhom ir-riżorsi, u żgur li m’għandhomx bżonn min juża tattiċi ta’ intimidazzjoni kontrihom.

Il-Kunsilli għandhom jerġgħu jissaħħu biex ikunu jistgħu iservu lil-lokalità kif xieraq

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà tiegħu mas-Sindku ta’ Raħal Ġdid, Jason Silvio, u mal-Kunsillieri kollha tal-lokalità u jikkundanna kull att ta’ intimidazzjoni fil-konfront ta’ min qed jaħdem għall-ġid tal-lokalità tiegħu.

Il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid appella permess tal-Awtorità tal-Ippjanar għal żvilupp f’Zona ta’ Konservazzjoni Urbana, kif għandu kull dritt li jagħmel. Iżda minħabba dan, is-Sindku issa għandu l-kontijiet bankarji personali tiegħu sekwestrati.

Il-Kunsilli Lokali għandhom mhux biss dritt, imma dmir, lejn ir-residenti li jappellaw deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar meta jħossu li l-lokalità tagħhom qed tiġi mhedda.

Ma jistax ikun li Sindku jew Kunsillier Lokali jispiċċa jbati personalment, f’dan il-każ permezz ta’ mandat ta’ sekwestru fuq il-kontijiet personali tiegħu, għal deċiżjoni li l-Kunsill ikun ħa flimkien fl-interess tal-lokalità.

Dan mhux aċċettabbli. Il-Kunsill Lokali hu entità legali għalih u Sindku jew Kunsillier Lokali li jitkellem f’isem ir-residenti u jiddefendi l-lokalità tiegħu m’għandu qatt jiġi attakkat personalment.

Dak li ġara joħloq preċedent perikoluż, fejn kull Kunsillier elett biex jaqdi dmiru lejn il-lokalità tiegħu jkun espost għal konsegwenzi personali.

Azzjoni bħal din għandha l-intenzjoni li tiżra biża’ f’kull min jazzarda jagħmel appell jew jieħu pożizzjoni kontra żvilupp li jhedded il-karattru tal-irħula u l-ibliet tagħna. Dan hu inaċċettabbli.

Din mhix kwistjoni ta’ partit. Hi kwistjoni ta’ demokrazija lokali u ta’ jekk il-pajjiż hux lest jipproteġi lil min jipproteġi u jirrappreżenta lir-residenti.

Il-Kunsilli Lokali diġà ddgħajfu minn Gvern li neżżagħhom mill-biċċa l-kbira tal-poteri u nixxfilhom ir-riżorsi, u żgur li m’għandhomx bżonn min juża tattiċi ta’ intimidazzjoni kontrihom.

Għall-kuntrarju, għandhom bżonn jerġgħu  jissaħħu biex iservu aħjar lil-lokalità u lir-residenti tagħhom.

Kull min jagħżel li jservi lil-lokalità tiegħu fil-Kunsill Lokali jagħmel dan b’sagrifiċċju personali, minn ħinu, u  żgur li mhux għall-flus. Aġir bħal dan ikompli jnaffar lil min jixtieq iservi lil-lokalità.

Il-Gvern Ċentrali għandu l-obbligu li jagħti l-ħarsien kollu possibbli lil Jason Silvio, kif ukoll lis-Sindki u l-Kunsillieri Lokali kollha biex dawn ikunu jistgħu jkomplu jwettqu dmirijiethom bla biża’ jew favuri, kif ħalfu li jagħmlu meta ġew eletti.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jagħmilha ċara li s-Sindki u l-Kunsillieri huma protetti meta jaġixxu f’isem il-Kunsill Lokali,kif ukoll li lest jaħdem biex kwalunkwe lakuna fil-liġi tiġi indirizzata mill-aktar fis possibbli.

Bernice Bonello
Shadow Minister għall-Gvern Lokali u Xogħlijiet Pubbliċi

Rebekah Borg
Shadow Minister għall-Ippjanar

29.10.2026