L-Għawdxin jistħoqqilhom konnettività moderna u permanenti, mhux aktar soluzzjonijiet temporanji

L-Għawdxin ilhom jistennew soluzzjoni permanenti, moderna u affidabbli għall-konnettività tagħhom ma’ Malta u ma jistgħux jibqgħu jiġu offruti soluzzjonijiet temporanji u lapazzar flok viżjoni fit-tul.

L-Għawdxin ilhom jistennew soluzzjoni permanenti, moderna u affidabbli għall-konnettività tagħhom ma’ Malta u ma jistgħux jibqgħu jiġu offruti soluzzjonijiet temporanji u lapazzar flok viżjoni fit-tul.

Is-sejħa għall-offerti maħruġa mill-Gvern għall-kiri tar-raba’ vapur tal-Gozo Channel, filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar kapaċità, tikkonferma wkoll li wara 13-il sena fil-gvern, il-Labour għad ma għandux pjan permanenti biex tiġi indirizzata waħda mill-aktar sfidi kruċjali għal Għawdex.

Il-Gvern għandu jispjega jekk il-kundizzjonijiet tas-sejħa humiex se jattiraw kompetizzjoni reali, kemm se jiswa dan il-kiri lill-poplu Malti u Għawdxi, u fuq kollox x’inhu l-pjan konkret tiegħu biex il-flotta tal-Gozo Channel tiġi mmodernizzata b’mod permanenti.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li l-konnettività ta’ Għawdex hija infrastruttura nazzjonali essenzjali u għandha tingħata l-ogħla prijorità. Għawdex jeħtieġ ir-raba’ vapur, iżda fuq kollox jeħtieġ investiment fit-tul, ippjanar serju u vapuri moderni li joffru servizz ta’ kwalità.

Għawdex u l-Għawdxin jistħoqqilhom servizz affidabbli, permanenti u modern, mhux sensiela ta’ arranġamenti temporanji ppreżentati bħala soluzzjoni.

L-Oppożizzjoni se tibqa’ taħdem biex il-konnettività bejn Malta u Għawdex tissaħħaħ permezz ta’ flotta moderna u adegwata għall-ħtiġijiet tal-lum u ta’ għada, filwaqt li tħeġġeġ lill-Gvern jieqaf ikaxkar saqajh fuq kwistjoni tant fundamentali għall-familji u n-negozji Għawdxin.

Frank Anthony Tabone
Shadow Minister għal Għawdex

26.06.2026