L-infurzar fis-sigurtà għandu jsir b’mod regolari u mhux biss wara l-appelli tal-Partit Nazzjonalista
Filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda fis-sigurtà għall-qaddiefa tar-Regatta, il-PN jittama li l-Gvern jieħu ħsieb ukoll is-sigurtà ta’ persuni oħra fuq il-baħar u tas-sewwieqa tagħna fid-dawl taż-żieda fl-inċidenti
L-infurzar fis-sigurtà tan-nies m’għandux ikun afterthought jew isir biss wara l-appelli tal-Partit Nazzjonalista, u l-Gvern ghandu r-responsabbiltà li jara li dan isir b’mod regolari u b’mod naturali.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon il-fatt li l-Gvern ta widen għall-appell li sar fl-aħħar jiem mid-Deputati tal-Oppożizzjoni biex il-qaddiefa tar-Regatta jingħataw aktar protezzjoni minn Transport Malta b’mod partikolari waqt il-ħinijiet tat-taħriġ tagħhom, madankollu dan kellu jsir b’mod awtomatiku u mhux biss wara li tkellmet l-Oppożizzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jittama li l-Gvern issa jagħti widen ukoll għal dak li qed titlob l-Oppożizzjoni fil-konfront tas-sigurtà ta’ dawk kollha li jkunu fuq il-baħar tagħna, kif ukoll tas-sewwieqa fit-toroq.
M’hemmx bżonn studji biex inkunu nafu li l-inċidenti żdiedu.
Huwa d-dmir tal-Gvern li fid-dawl ta’ dan, iżid is-sigurtà għas-sewwieqa u għal dawk kollha li jużaw it-toroq tagħna, inkluż dawk li jimxu jew li jużaw mezzi alternattivi tat-trasport, kif ukoll għal dawk kollha li jkunu fuq il-baħar u fil-bajjiet tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista diġà tkellem kemm-il darba dwar x’għandu jsir. Issa huwa l-Gvern li għandu jara li jipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex ikun hemm l-aqwa salvagwardji u r-rispett minn kulħadd kemm fit-toroq kif ukoll fuq il-baħar.
Ivan Castillo
Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja
David Agius
Shadow Minister għall-Fondi Ewropej u l-Isport
Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà
08.08.2025