L-Ispeaker tal-Parlament jirrifjuta Ksur ta’ Privileġġ imressaq mil-Labour biex jipprova jagħlaq ħalq il-PN
L-Ispeaker tal-Parlament illum ikkonferma li l-Partit Nazzjonalista ma kiser l-ebda privileġġ ta’ ħadd meta uża l-kelma “frodi” b’rabta mal-frodi ta’ flus il-poplu mill-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri.
Dan hekk kif fil-Kamra tad-Deputati l-Ispeaker Anġlu Farrugia rrifjuta talba ta’ Ksur ta’ Privileġġ imressqa mil-Labour kontra l-PN biex jipprova jagħlaq ħalq il-Partit Nazzjonalista.
Il-Gvern Laburista kien qed jiddarras jisma’ l-kelma “frodi” u ried isodd ħalq il-Partit Nazzjonalista milli jgħidha. Dan wara li l-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ukoll sab liż-żewġ Ministri ħatja ta’ serq ta’ fondi pubbliċi fil-każ tal-impjieg finta tal-mara tal-Ministru Bartolo, li llum tkeċċa minn Ministru għat-Turiżmu.
Imma bħalma jgħid l-Ingliż, “let’s call a spade a spade”.
Serq ta’ fondi pubbliċi minn Ministri tal-Gvern mhu xejn ħlief frodi u serq ta’ flus il-poplu.
Il-Partit Nazzjonalista mhux se jieqaf sakemm dawk kollha li b’xi mod iffrodaw jew qed jiffrodaw lill-poplu jitneħħew mill-karigi tagħhom.
Jekk ma jneħħihomx Robert Abela, se jneħħihom il-poplu.
Nhar it-Tnejn il-poplu Malti se jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista quddiem il-Parlament fis-6pm biex juri lill-Gvern li hu mxebba’ bil-frodi tal-Gvern Laburista.
Dan Gvern ta’ frodi biss, frodi spiss.
26.11.2024