L-ixkafef vojta jkomplu jikkonfermaw l-urġenzali ninvestu fil-produzzjoni u l-produtturi Maltin
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li s-sigurtà tal-provvista tal-ikel għandha tkun prijorità nazzjonali, u mhux tissemma biss meta jkollna kriżi. Filwaqt li l-importazzjoni tibqa’ essenzjali għal pajjiżna, ma nistgħux nibqgħu niddependu fuqha mingħajr ma nagħmlu dak kollu possibbli biex insaħħu l-produzzjoni lokali.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq fuq l-urġenza li tissaħħaħ il-produzzjoni lokali, b’aktar appoġġ għall-bdiewa, ir-raħħala, il-produtturi Maltin u n-negozji li jaħdmu f’dan is-settur.
L-aħbar li xkafef f’supermarkets f’Malta spiċċaw vojta minħabba protesti u problemi fit-trasport fl-Italja għandha sservi ta’ twissija dwar kemm pajjiżna jista’ jkun vulnerabbli meta jkun dipendenti fuq l-importazzjoni tal-ikel.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti dwar il-ħtieġa ta’ investiment serju fil-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda u l-produtturi Maltin. Għandna bżonn urġenti ta’ politika li tgħinhom jikbru, inaqqsu l-ispejjeż tagħhom u jibqgħu kompetittivi, filwaqt li nsaħħu l-kapaċità ta’ pajjiżna li jipproduċi aktar ikel lokalment, qabel ma nitilfu aktar minnhom.
Fl-istess waqt, irridu nagħtu aktar appoġġ lis-self-employed, lill-intrapriżi żgħar u lill-koperattivi li jaħdmu f’dan is-settur u li għandhom rwol importanti fil-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tqassim tal-prodotti lokali. Jeħtieġ li dawn in-negozji jkollhom l-għodod biex jikbru, inaqqsu l-ispejjeż tagħhom u jkollhom aċċess aħjar għas-suq.
Il-produzzjoni lokali mhix biss kwistjoni ekonomika. Hija wkoll kwistjoni ta’ sigurtà nazzjonali u ta’ serħan il-moħħ għall-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li s-sigurtà tal-provvista tal-ikel għandha tkun prijorità nazzjonali, u mhux tissemma biss meta jkollna kriżi. Filwaqt li l-importazzjoni tibqa’ essenzjali għal pajjiżna, ma nistgħux nibqgħu niddependu fuqha mingħajr ma nagħmlu dak kollu possibbli biex insaħħu l-produzzjoni lokali.
Jeħtieġ li ninvestu fil-produtturi Maltin illum, biex għada nkunu inqas dipendenti fuq dak li jiġri barra minn xtutna. Dak li ninvestu fihom huwa investiment fl-ekonomija tagħna, fil-futur tan-negozji ż-żgħar u fis-sigurtà tal-ikel għall-familji Maltin u Għawdxin.
Toni Bezzina
Shadow Minister għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel
Michael Piccinino
Shadow Minister għas-Self-Employed, l-Intrapriżi Żgħar u l-Koperattivi
21.10.2026