L-MŻPN u Team Start PN jirringrazzjaw lil Bernard Grech tal-ħidma tiegħu

Bħala l-fergħat taż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) u Team Start PN, nirringrazzjaw lill-Kap uxxenti Bernard Grech tal-ħidma tiegħu matul dawn l-aħħar erba’ snin u nofs kemm ilu jservi bħala Kap tal-Partit.

Taħt it-tmexxija tiegħu, dejjem ingħatajna l-opportunità li naħdmu u nsemmgħu leħinna, waqt li nkunu ta’ kontribut. Ħdimna biex sibna għadd sabiħ ta’ żgħażagħ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, u sarrafna dik il-ħidma f’riżultati mill-aktar inkoraġġanti.

Jeħtieġ li nkomplu nibnu fuq it-tajjeb li se jħalli warajh Bernard Grech.

Jeħtieġ li t-triq ’il quddiem għall-Partit Nazzjonalista, twassal fejn twassal, tkun waħda li tħares biex tibni ġejjieni aħjar għal pajjiżna, speċjalment għalina ż-żgħażagħ.

Grazzi, Bernard Grech, talli dejjem ġibt fuq quddiem il-ġid tal-Partit Nazzjonalista u tal-għażiża Malta tagħna.

Thomas De Martino
President, MŻPN

Jazlyn Cassar
President, Team Start PN

14.06.2025