L-Oppożizzjoni Nazzjonalista se titlob lill-PAC biex jiddiskuti r-rapport tal-NAO dwar il-kriżi tal-qtugħ tad-dawl tal-2023
Dan ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ippubblikat f’Lulju 2024 kien sab li l-qtugħ estensiv tad-dawl fis-sajf tas-sena ta’ qabel kien ikkawżat minn ħsarat mifruxa fin-netwerk tal-elettriku, b’mod partikolari fil-ġonot tal-cables ta’ vultaġġ għoli, fi żmien ta’ temperaturi u domanda għolja.
Il-PN se jibqa’ jagħmel minn kollox biex jinstabu soluzzjonijiet għan-nies b’rabta mal-kriżi tal-elettriku li qed nerġgħu ngħixu dan is-sajf
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tkompli taħdem biex il-kriżi tal-elettriku tittella’ fuq nett tal-aġenda tal-pajjiż.
Fid-dawl tal-kriżi tal-qtugħ tad-dawl, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed titlob lill-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi li se jiltaqa’ għada biex jibda jiddiskuti r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kriżi tal-enerġija tal-2023 intitolat High-Level Review: Enemalta’s Planning and Investment in the Local Electricity Distribution Network.
Dan ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ippubblikat f’Lulju 2024 kien sab li l-qtugħ estensiv tad-dawl fis-sajf tas-sena ta’ qabel kien ikkawżat minn ħsarat mifruxa fin-netwerk tal-elettriku, b’mod partikolari fil-ġonot tal-cables ta’ vultaġġ għoli, fi żmien ta’ temperaturi u domanda għolja.
Ir-rapport ikkonkluda li kien hemm nuqqasijiet serji fl-ippjanar u l-investiment tal-Enemalta, u sab li n-nuqqas ta’ investiment fin-netwerk tad-distribuzzjoni kien il-kawża ewlenija tal-kriżi. Tant li n-nefqa effettiva fuq in-netwerk kienet ferm inqas mill-budgets allokati u naqset minkejja ż-żieda fid-domanda. Fil-fatt, bejn l-2014 u l-2023, in-nefqa fl-investiment fuq in-netwerk tad-distribuzzjoni tal-enerġija kienet tqaċċtet għal terz ta’ dak li kienet qabel l-2014.
Jidher li minkejja dan ir-rapport, u minkejja li Miriam Dalli qaltilna li fit-tliet snin li għaddew nefqet €140 miljun biex jissaħħaħ in-netwerk tad-distribuzzjoni, il-problema flok issolviet, aktar iggravat.
Il-Partit Nazzjonalista, f’isem il-poplu, qed jitlob spjegazzjoni ċara u rendikont dettaljat kif u fejn intefqu dawn il-€140 miljun li l-Ministru Dalli qed tirrifjuta li tagħti breakdown tagħhom fil-Parlament.
Qed jitlob ukoll spjegazzjoni għalfejn il-Gvern ħalla dan ir-rapport fuq l-ixkaffa għal tliet snin sħaħ, bħalma għamel b’ħafna rapporti oħrajn, u r-rakkomandazzjonjiet li ngħatawlu baqa’ qatt ma implimentahom.
Mhux talli hekk, imma talli dan ir-rapport lanqas qatt ma ġie diskuss fuq livell Parlamentari. Apparti minn dan, ir-rapport sab ukoll li l-Enemalta ripetutament naqset milli tippubblika u tibgħat lir-regolatur in-Network Development Plans kif inhi obbligata li tagħmel mid-direttivi Ewropej.
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, u meta pajjiżna reġa’ għal darba oħra sab ruħu fi kriżi tal-enerġija, il-Partit Nazzjonalista ma setax ma jitlobx li dan ir-rapport jiġi diskuss f’dan il-Kumitat Parlamentari.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tesiġi kontabbiltà mill-Gvern dwar is-servizz bażiku tad-dawl. Jidher li f’dan l-istadju hija biss l-Oppożizzjoni li hija inkwetata bil-kriżi li għandna fl-enerġija, filwaqt li l-Gvern ftit li xejn qed jitkellem dwar dak li qed jiġri.
Minbarra din it-talba li se ssir għada biex il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament (PAC) jiddiskuti din il-kriżi, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg diġà talab li jitlaqqa’ b’urġenza l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) biex din is-sitwazzjoni tiġi diskussa fuq livell nazzjonali mal-imsieħba soċjali kollha, jiġu evalwati l-konsegwenzi tagħha fuq il-familji, il-ħaddiema u n-negozji, u jintalbu soluzzjonijiet konkreti u immedjati mill-Gvern.
Il-Gvern qed jaħrab ukoll minn dibattitu fil-Parlament dwar din il-kriżi u ma jridx jiddiskuti din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza nazzjonali fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Tant li injora wkoll it-talba biex tiġi diskussa l-Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Ministru Miriam Dalli mressqa mill-Oppożizzjoni, hekk kif il-Parlament ilbieraħ aġġorna għas-sajf. Dan ifisser li l-Gvern tefa’ l-kriżi tal-qtugħ tad-dawl fuq l-ixkaffa sal-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru, waqt li għad hemm familji u negozji bla dawl li tħallew għal riħhom jaraw kif se jkampaw matul is-sajf. Il-Gvern injora wkoll it-talba tal-Oppożizzjoni biex jibda jingħata kumpens awtomatiku meta jinqata’ d-dawl.
Darren Carabott
Deputat Nazzjonalista u Chairperson tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC)
Graham Bencini
Deputat Nazzjonalista u Membru tal-PAC f’isem l-Oppożizzjoni
Eve Borg Bonello
Deputat Nazzjonalista u Membru tal-PAC f’isem l-Oppożizzjoni
28.07.2026
- Agħfas hawn biex tara messaġġ taċ-Chairperson tal-PAC Darren Carabott.
- Agħfas hawn biex tara r-rapport tal-NAO dwar il-kriżi tal-2023.