Li kien għal Robert Abela, l-iżviluppi li seħħew illum fil-Qorti ma kienu jseħħu qatt
Il-Partit u l-Gvern Laburista kienu u għadhom jiggvernaw fl-interess tal-korrotti
Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li bdiet issir ġustizzja fl-iskandlu ta’ korruzzjoni marbut mal-kumpanija 17 Black. Il-fatt li llum il-Pulizija ressqet il-Qorti lil dawk li kienu l-id il-leminija u l-id ix-xellugija tal-eks Prim Ministru Laburista Joseph Muscat juri biċ-ċar kif il-Gvern u l-Partit Laburista għamlu mill-korruzzjoni stil ta’ tmexxija. Fl-istess waqt, huwa sinifikanti ħafna li dawn l-irjus kbar tal-Partit u l-Gvern Laburista tressqu flimkien mal-persuna li qed tiġi akkużata fil-Qorti li ordnat il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Illum, minflok qed jiskużaw ruħhom mal-poplu jew jistaħbew bil-mistħija, il-Gvern u l-Partit Laburista qed ikomplu attivament jipproteġu lill-korrotti billi jippruvaw ineħħu d-dritt taċ-ċittadini li jitolbu inkjesta maġisterjali. Li kien għal Robert Abela l-iżviluppi li seħħew illum fil-Qorti ma kienu jseħħu qatt.
Il-Partit Laburista ma jistax jibqa’ jaħrab mir-realtà li Keith Schembri u Konrad Mizzi ma kinux xi żewġ membri kwalukwe tal-partit – wieħed kien Chief of Staff f’Kastilja u l-ieħor kien Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u Ministru li ngħata f’idejh l-iktar kuntratti multimiljunarji tal-Gvern.
Il-Partit Laburista ma jistax jibqa’ jaħrab mir-realtà li l-kuntratt imċappas bil-korruzzjoni li jinsab fil-qalba tal-każ kontra Schembri, Mizzi u oħrajn kien il-proġett tal-powerstation li l-istess Partit Laburista imbotta ’l quddiem b’saħħa kbira biex jirbaħ l-elezzjoni ġenerali tal-2013.
Il-Partit Laburista ma jistax jibqa’ jaħrab mir-realtà li d-Deputati tiegħu taw il-fiduċja lil Schembri u lil Mizzi f’kull okkażjoni li kellhom fil-Parlament u barra, anke meta ffaċċjati bi provi skjaċċanti tal-għemil korrott tagħhom.
Illum ħadd f’pajjiżna m’għandu dubju li l-Partit u l-Gvern Laburista tant inħakmu mill-korruzzjoni li, minflok iġġildulha kif kellhom dmir u obbligu jagħmlu, appoġġjawha u ddefendewha b’ruħhom u ġishom, anke billi attivament ipparalizzaw l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-prosekuzzjoni tal-lum hija biss frott l-inizjattiva li ħadu l-eks Kap Simon Bussuttil, l-Ewro Parlamentari David Casa u l-eks Deputat Jason Azzopardi li flimkien mal-għaqda Repubblika talbu li ssir inkjesta. Infakkru wkoll li l-Partit Laburista għamel snin sħaħ jipprova jirredikola l-provi li ttieħdu l-Qorti minn Simon Busuttil, tant li saħansitra pprova jbellagħha lill-poplu li l-kaxxi kienu vojta.
Għaldaqstant, huwa ċar li l-Partit u l-Gvern Laburista għadhom maħkuma mill-korrotti u qed jiggvernaw u jaġixxu fl-interess tagħhom u mhux fl-interess tal-ġustizzja u għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Karol Aquilina
Shadow Minister għall-Ġustizzja
05.02.2025