Ma jistax ikun li l-infrastruttura tas-sistema diġitali tal-Gvern tkun daqstant batuta
L-Oppożizzjoni titlob li jiltaqa' l-Kumitat Permanenti għall-Informatika, Teknoloġija u Intelliġenza Artifiċjali biex jiddiskuti x'ġara u biex nassiguraw li din ma terġax tirrepeti ruħha
L-Oppożizzjoni titlob li jiltaqa’ l-Kumitat Permanenti għall-Informatika, Teknoloġija u Intelliġenza Artifiċjali biex jiddiskuti x’ġara u biex nassiguraw li din ma terġax tirrepeti ruħha
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-interruzzjoni serja li seħħet ilbieraħ fis-sistemi diġitali tal-Gvern. Jidher li minħabba li daħlu ammont kbir ta’ studenti biex jiċċekkjaw ir-riżultati tal-Matsec tagħhom, is-sistema diġitali tal-eID kkrollat u affettwat l-aċċess għal diversi servizzi pubbliċi essenzjali oħra fosthom il-MyHealth, l-eCourts, l-eApps, il-MyTax u s-sistema tar-reġistru tal-kumpaniji.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà mal-istudenti li f’ġurnata daqstant importanti għalihom spiċċaw aktar frustrate u stressjati frott ta’ sistema li jidher li kinitx ippreparata għall-eventwalità ovvja ta’ traffiku kbir fuq is-sit fil-ġurnata li kellhom joħorġu r-riżultati.
Dan l-inċident iqajjem mistoqsijiet serji dwar ir-reżiljenza, il-kapaċità u l-affidabbiltà tal-infrastruttura diġitali tal-Gvern.
Il-pubbliku għandu dritt għal spjegazzjoni ċara dwar x’wassal għall-kollass tal-pjattaforma diġitali tal-eID, b’mod partikolari li minħabba din l-inkompetenza spiċċaw ġew effettwati mhux biss l-istudenti imma anke pazjenti u tobba li riedu jaċċessaw riżultati, avukati li ma setgħux jaċċessaw is-sit tal-qorti, periti u kull min ried juża s-sit tal-awtorità tal-ippjanar, u s-settur finanzjarju li spiċċa ma jistax jaċċessa jaċċessa s-siti tat-taxxa u tar-reġistru tal-kumpaniji fost l-oħrajn.
Fid-dawl tas-serjetà ta’ dak li seħħ, id-Deputati tal-Oppożizzjoni Michael Piccinino u George Vital Zammit, bħala membri tal-Kumitat Permanenti għall-Informatika, Teknoloġija u Intelliġenza Artifiċjali, ressqu talba formali sabiex dan l-inċident jiġi diskuss fl-istess Kumitat Parlamentari.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna li f’din id-diskussjoni l-Gvern jagħti rendikont sħiħ ta’ dak li ġara, jispjega liema miżuri ta’ prevenzjoni u kontinġenza kienu fis-seħħ u jgħid x’passi konkreti se jittieħdu sabiex sitwazzjoni simili ma terġax tirriżulta.
It-trasformazzjoni diġitali ma tistax tkun kredibbli jekk is-sistemi li fuqhom jiddependu ċ-ċittadini, in-negozji u l-professjonisti ma jkunux siguri, affidabbli u kapaċi jifilħu għad-domanda. Il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jagħti t-tweġibiet li għandhom dritt għalihom in-nies.
Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi
15.07.2026
Ara l-messaġġ tad-Deputati Nazzjonalisti hawn.