Malta għandha bżonn ekonomija li tikber bil-produttività
L-għan għandu jkun ċar: ekonomija aktar produttiva, negozji aktar kompetittivi, pagi aħjar u kwalità ta’ ħajja ogħla għall-familji Maltin u Għawdxin.
Malta għandha quddiemha opportunità biex tagħmel il-pass li jmiss fl-iżvilupp ekonomiku tagħha: minn ekonomija li kibret abbażitaż-żieda fin-numru ta’ ħaddiema, għal ekonomija li tikber permezz tal-produttività, il-ħiliet, l-innovazzjoni u valur miżjud ogħla
L-għan għandu jkun ċar: ekonomija aktar produttiva, negozji aktar kompetittivi, pagi aħjar u kwalità ta’ ħajja ogħla għall-familji Maltin u Għawdxin.
L-analiżi li qed issir dwar l-ekonomija Maltija, fosthom dik tal-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti, qed tkompli tenfasizza l-importanza li l-produttività ssir prijorità ekonomika nazzjonali.
Hekk kif il-pagi u l-ispejjeż tax-xogħol ikomplu jiżdiedu, Malta għandha tassigura li magħhom jiżdied ukoll il-valur li jinħoloq għal kull siegħa ta’ xogħol. Din hija l-bażi għal ekonomija li tista’ ssostni pagi dejjem aħjar filwaqt li żżomm u ssaħħaħ il-kompetittività tagħha fis-swieq internazzjonali.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi li Fitch Ratings reċentement ikkonfermat ir-rating ta’ Malta fil-livell A+ bi prospettiva stabbli, issa rridu nistaqsu x’għandu jkun il-pass ekonomiku li jmiss għal Malta.
Il-kejl tas-suċċess ekonomiku ma għandux jieqaf ma’ kemm kibret l-ekonomija. In-numri waħedhom jistgħu jqarrqu bina. Il-kejl tas-suċċess għandu jinkludi wkoll kemm saru aktar produttivi l-ħaddiema u n-negozji tagħna, kemm qed jinħolqu impjiegi ta’ kwalità, kemm qed jikbru l-pagi reali u, fuq kollox, kemm dan it-tkabbir qed iwassal għal ħajja aħjar.
Għal dawn l-aħħar snin, parti importanti mit-tkabbir ekonomiku ta’ Malta ġiet sostnuta minn żieda qawwija fin-numru ta’ persuni fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta’ ħaddiema barranin li llum jagħtu kontribut lil diversi setturi tal-ekonomija tagħna.
Il-pass li jmiss għandu jkun li Malta tkun tista’ toħloq aktar valur minn kull impjieg, minn kull negozju u minn kull siegħa ta’ xogħol, u b’hekk tnaqqas progressivament id-dipendenza tat-tkabbir fuq il-ħtieġa ta’ żieda kontinwa fin-numru ta’ ħaddiema. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jżomm il-pożizzjoni tiegħu favur Awtorità dwar il-Livelli tal-Popolazzjoni flimkien ma’ Pjan dwar il-Livelli tal-Popolazzjoni f’Malta li jagħti spjega tal-azzjonijiet meħtieġa, minn esperti fil-qasam, sabiex Malta tbiddel ir-rotta għal direzzjoni aħjar.
Din hija bidla li tista’ ġġib benefiċċji ekonomiċi u soċjali konkreti.
Aktar produttività tfisser li negozju jista’ jikber mingħajr ma jkollu bżonn iżid il-ħaddiema bl-istess rata. Tfisser li jista’ joffri pagi aħjar filwaqt li jibqa’ kompetittiv. Tfisser aktar opportunitajiet għal impjiegi ta’ kwalità u aktar spazju biex l-ekonomija tikber mingħajr ma l-istess rata ta’ tkabbir tinbidel awtomatikament f’aktar pressjoni fuq l-infrastruttura, it-traffiku, l-akkomodazzjoni u s-servizzi.
Din għandha tkun l-ambizzjoni ekonomika tagħna: mhux sempliċement aktar tkabbir tan-numri, iżda tkabbir f’ekonomija aħjar li tissarraf f’ħajja aħjar għan-nies.
L-Oppożizzjoni temmen li Malta għandha tagħmel mill-produttività wieħed mill-pilastri ewlenin tal-politika ekonomika tagħha għas-snin li ġejjin.
Dan jitlob ambjent ekonomiku fejn in-negozji jkunu mħeġġa u megħjuna jinvestu aktar fit-teknoloġija, fid-diġitalizzazzjoni u fl-awtomazzjoni; fejn l-innovazzjoni ssir parti integrali mill-mod kif jikbru l-intrapriżi tagħna; u fejn kumpaniji Maltin ikunu jistgħu jkabbru l-preżenza tagħhom fi swieq internazzjonali.
Jeħtieġ ukoll rabta ħafna aktar b’saħħitha bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħtiġijiet tal-ekonomija.
Għandna nkomplu ntejbu l-ħiliet tal-ħaddiema li diġà jinsabu fis-suq tax-xogħol, nippreparaw lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin għall-impjiegi u s-setturi ta’ għada, u noffru t-tagħlim u t-taħriġ kontinwu bħala parti naturali mill-karriera tal-ħaddiem.
Fl-istess ħin, Malta għandha tkun aktar ambizzjuża f’kemm tattira u tiżviluppa attivitajiet ekonomiċi li joħolqu valur miżjud ogħla, aktar għarfien u karrieri ta’ kwalità.
Il-produttività għandha tkun il-pont bejn it-tkabbir ekonomiku u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Meta ħaddiem ikun aktar produttiv, ikun hemm aktar spazju għal pagi aħjar. Meta negozju jkun aktar produttiv, ikun jista’ jikkompeti, jinvesti u jikber. Meta ekonomija tkun aktar produttiva, tkun tista’ toħloq aktar ġid mingħajr ma jkollha tiddependi bl-istess mod fuq żieda kontinwa fin-numru ta’ nies.
Hawnhekk huwa l-Gvern li jrid ikun aktar ambizzjuż.
Wara snin ta’ tkabbir ekonomiku bin-numri, pajjiżna kellu opportunità biex jibda din it-tranżizzjoni aktar kmieni. Illum għandna niżguraw li ma nitilfux aktar żmien u li nibdew nibnu l-mudell ekonomiku li Malta se jkollha bżonn għall-għaxar u l-għoxrin sena li ġejjin.
Malta m’għandhiex taspira biss għal ekonomija akbar. Għandha taspira għal ekonomija aħjar.
Ekonomija li tikber bl-għerf, bil-ħiliet, bl-innovazzjoni, bit-teknoloġija u bl-intrapriża.
Ekonomija fejn negozju jikber għaliex sar aktar produttiv u kompetittiv, u fejn ħaddiem jista’ jaqla’ aktar għaliex ix-xogħol tiegħu qed joħloq aktar valur, u ekonomija fejn is-suċċess finalment jitkejjel mhux biss miċ-ċifri tat-tkabbir, iżda minn kemm dan it-tkabbir qed itejjeb il-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi
28.08.2026