Malta trid tkun aktar assertiva fil-ħarsien tal-interessi tagħha fl-Ewropa

Malta għandha tkun aktar assertiva, aktar strateġika u aktar ambizzjuża fid-difiża tal-interessi tagħha fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal fil-Parlament il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione waqt li kien qed iwieġeb għall-Istqarrija Ministerjali li għamel il-Prim Ministru dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li sar il-ġimgħa l-oħra.

Il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione jwieġeb fil-Parlament għal Stqarrija Ministerjali dwar l-aħħar Kunsill Ewropew li sar il-ġimgħa l-oħra

Malta għandha tkun aktar assertiva, aktar strateġika u aktar ambizzjuża fid-difiża tal-interessi tagħha fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal fil-Parlament il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione waqt li kien qed iwieġeb għall-Istqarrija Ministerjali li għamel il-Prim Ministru dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li sar il-ġimgħa l-oħra.

Alex Perici Calascione qal li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-livell Ewropew għandhom impatt dirett fuq il-familji, il-ħaddiema u n-negozji Maltin u Għawdxin. Għaldaqstant, Malta għandha tkun preżenti b’viżjoni ċara u b’pożizzjonijiet b’saħħithom fuq temi ewlenin bħall-kompetittività, il-finanzjament Ewropew, is-sigurtà, il-migrazzjoni u l-politika barranija.

Il-Viċi Kap tal-PN saħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tkompli ssaħħaħ il-kompetittività tagħha filwaqt li jitnaqqas il-piż burokratiku fuq l-intrapriżi u jiżdied l-investiment fl-innovazzjoni u t-teknoloġija. F’dan il-kuntest enfasizza wkoll il-ħtieġa li Malta tiddefendi b’mod aktar effettiv l-interessi tal-SMEs u tindirizza l-isfidi partikolari li jiffaċċjaw il-gżejjer periferiċi bħalma huma Malta u Għawdex.

Dwar il-budget li jmiss tal-Unjoni Ewropea – u li wkoll kien fost it-temi fuq l-aġenda tas-Summit tal-UE li sar bejn it-18 u d-19 ta’ Ġunju – il-Viċi Kap tal-PN sostna li Malta għandha tinsisti biex il-prinċipju tal-insularità jkun rifless b’mod konkret fil-finanzjament Ewropew. Huwa enfasizza li Għawdex għandu jingħata attenzjoni speċjali biex ikun jista’ jkompli jiżviluppa u jibqa’ kompetittiv.

Fir-rigward tas-sigurtà Ewropea, Alex Perici Calascione tenna l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista għal Ewropa aktar reżiljenti u aktar preparata għall-isfidi tas-sigurtà, filwaqt li jkun rispettat b’mod sħiħ il-prinċipju tan-newtralità ta’ Malta. Qal li n-newtralità ma tfissirx passività u li Malta tista’ tagħti kontribut importanti f’oqsma bħas-cybersecurity, il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u kif ikunu indirizzati l-emerġenzi.

Dwar il-politika barranija, il-PN ikompli jtenni l-appoġġ tiegħu lejn il-poplu Ukren fil-ġlieda tiegħu għas-sovranità u l-libertà tiegħu imma wkoll favur paċi ġusta u sostenibbli. Dan filwaqt li jkompli jappella għal waqfien permanenti tal-ġlied fil-Lvant Nofsani, aktar għajnuna umanitarja u rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali.

Hawnhekk sellem il-ħidma imprezzabbli ta’ Vanessa Frazier, bħala rappreżentant tat-Tfal f’Żoni ta’ Gwerra fi ħdan il-Ġnus Magħquda, u qal li Malta għandha tibqa’ vuċi ta’ paċi, ta’ djalogu u ta’ soluzzjonijiet diplomatiċi għax dan huwa r-rwol naturali ta’ pajjiżna fil-Mediterran.

Alex Perici Calascione tenna wkoll l-appoġġ tal-PN għat-tkabbir tal-UE u s-sħubija eventwali tal-Ukrajna, il-Moldova u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Hu fakkar kif fis-Summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li fih ipparteċipa l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, saret enfażi fuq il-fatt li t-tkabbir għandu jibqa’ jkun ibbażat fuq il-mertu imma wkoll fuq il-ħtieġa ġeopolitika li l-Ewropa tkun aktar magħquda.

Il-Viċi Kap tal-PN enfasizza wkoll li l-Ewropa hi mibnija fuq valuri demokratiċi u li Malta għandha tibqa’ taħdem favur istituzzjonijiet b’saħħithom, governanza tajba u rispett sħiħ tas-saltna tad-dritt.

Alex Perici Calascione temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen f’Malta Ewropea, b’saħħitha u ambizzjuża, li tkun fuq quddiem nett tad-diskussjonijiet Ewropej u li tiddefendi b’konvinzjoni l-interessi ta’ Malta u Għawdex.

22.06.2026