Manoel Island: “park nazzjonali” għall-elezzjoni biss

Ftit ġimgħat biss wara l-elezzjoni, il-wegħda ta’ Robert Abela li Manoel Island tingħata lura lill-poplu Malti issa qed tinkixef għal dak li fil-fatt kienet: wegħda ta’ qabel l-elezzjoni li issa bdiet tisfaxxa fix-xejn.

Art pubblika għandha tkun protetta bil-liġi, mhux bil-paroli

Ftit ġimgħat biss wara l-elezzjoni, il-wegħda ta’ Robert Abela li Manoel Island tingħata lura lill-poplu Malti issa qed tinkixef għal dak li fil-fatt kienet: wegħda ta’ qabel l-elezzjoni li issa bdiet tisfaxxa fix-xejn.

Tant hu hekk li kif għaddiet l-elezzjoni, il-Gvern ppermetta li biċċa art sostanzjali tintuża għal courts tal-padel.

Wara li l-Maltin u l-Għawdxin ħarġu aktar minn €43 miljun minn buthom biex jerġgħu jieħdu lura arthom, issa qed jerġgħu jaraw din l-art titteħdilhom minn taħt imneħirhom, bl-apporvazzjoni sħiħa ta’ min wiegħed lin-nies li se jagħtihielhom lura.

X’se jgħid Robert Abela lit-tfal tal-iskola li ġegħelhom jimxu id f’id miegħu f’Manoel Island qabel l-elezzjoni?

Kif se jiġġustifika mal-poplu kollu għalfejn sa sitt ġimgħat ilu kien qed jgħidlu li qed jagħtih din l-art lura u issa li għaddiet l-elezzjoni qed jagħtiha lil ħaddieħor?

Il-Prim Ministru kien wiegħed li se jagħmel minn Manoel Island park nazzjonali biex jitgawda mill-familji Maltin. Imma sal-lum dak il-kliem ma ngħata l-ebda garanzija legali b’definizzjoni ta’ x’inhu park nazzjonali u x’jista’ jew ma jistax isir fuqu.

Il-Partit Nazzjonalista kien ippropona li l-kunċett ta’ park nazzjonali jingħata definizzjoni ċara fil-liġi, flimkien mal-protezzjoni meħtieġa biex siti ddikjarati bħala parks nazzjonali jibqgħu tassew protetti għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Imma l-Gvern ta’ Robert Abela għażel li ma jagħmilx dan.

Illum qed nifhmu għalfejn.

Rebekah Borg
Shadow Minister għall-Ippjanar

Stanley Zammit
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet

Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent

17.07.2026