Mhux kulħadd jifforma parti minn “Int Malta”

L-aħħar informazzjoni ppubblikata turi li hemm 1,890 applikazzjoni pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali, żieda ta' kważi 300 applikazzjoni meta mqabbel ma' ċifri mogħtija ftit ġimgħat qabel. Dan jikkontradixxi l-pretensjonijiet li l-lista ta' stennija naqset b'mod sostanzjali.  Jikkontradixxi wkoll il-prijorità tal-benesseri soċjali fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista bit-tema “Int Malta”.

L-aħħar informazzjoni turi li hemm 1,890 applikazzjoni pendenti għall-housing soċjali, żieda ta’ kważi 300 fuq ċifri mogħtija ftit ġimgħat qabel

Illum il-qasam tal-housing soċjali f’Malta jinsab f’punt kritiku. Minkejja l-wegħdiet tal-Gvern, ir-realtà hi li ħafna familji, koppji żgħażagħ, anzjani u persuni vulnerabbli għadhom qed isibuha diffiċli biex isibu dar affordabbli jew akkomodazzjoni soċjali.

L-aħħar informazzjoni ppubblikata turi li hemm 1,890 applikazzjoni pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali, żieda ta’ kważi 300 applikazzjoni meta mqabbel ma’ ċifri mogħtija ftit ġimgħat qabel. Dan jikkontradixxi l-pretensjonijiet li l-lista ta’ stennija naqset b’mod sostanzjali.  Jikkontradixxi wkoll il-prijorità tal-benesseri soċjali fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista bit-tema “Int Malta”.

Barra minn hekk, proġetti importanti ta’ housing qed jesperjenzaw dewmien. Pereżempju, it-tender għall-proġett tal-housing f’Ħal Kirkop ġie revokat minħabba nuqqasijiet fil-proċedura, u dan ifisser aktar stennija għal dawk li ilhom jistennew saqaf fuq rashom.

Dan fl-istess ħin li l-pressjoni fuq is-suq tal-proprjetà kompliet tiżdied. Il-prezzijiet tal-bejgħ u l-kirjiet komplew jogħlew b’rabta ogħla miż-żidiet fil-pagi, u b’hekk ħafna żgħażagħ qed isibuha kważi impossibbli jixtru l-ewwel dar tagħhom jew saħansitra jaffordjaw kiri stabbli.

Skont tweġibiet parlamentari, bejn Jannar 2024 u Novembru 2025 l-Awtorità tad-Djar irċeviet aktar minn 50,000 talba għal assistenza – fatt li juri kemm il-ħtieġa għall-għajnuna fil-qasam tal-housing hija kbira. 

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-housing mhuwiex privileġġ iżda dritt fundamentali. Għalhekk hemm bżonn aktar investiment f’akkomodazzjoni soċjali u affordabbli;  aktar trasparenza fil-ġestjoni tal-proġetti u protezzjoni akbar għall-inkwilini.

Din hi politika li tqiegħed lill-familji Maltin u Għawdxin fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet. Il-familji tagħna jistħoqqilhom aktar minn wegħdiet.

Jistħoqqilhom politika serja li twassal għal riżultati konkreti, biex kull persuna tkun tista’ tgħix b’dinjità f’dar sigura u affordabbli.

Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Politika Soċjali u l-Familja 

Stanley Zammit
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet

30.06.2026