Minn tħassib għal urġenza dwar it-tkabbir tal-popolazzjoni
Skont statistika uffiċjali ppubblikata mill-aġenzija tal-istatistika tal-UE (Eurostat) dan l-aħħar, Malta tibqa’ l-pajjiż bl-ogħla rata ta’ densità tal-popolazzjoni fl-Ewropa – b’densità li hija ferm ogħla minn dik ta’ Stati Membri oħra tal-UE u anke ferm ogħla mir-rata medja tal-Unjoni Ewropea.
Malta bl-ogħla rata ta’ densità tal-popolazzjoni fl-Ewropa, u l-aktar Stat Membru tal-UE li qed jirreġistra żidiet qawwija sena wara sena fin-numru ta’ persuni kull kilometru kwadru
Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-bżonn urġenti li tiġi indirizzata ż-żieda persistenti fid-densità tal-popolazzjoni f’pajjiżna.
Skont statistika uffiċjali ppubblikata mill-aġenzija tal-istatistika tal-UE (Eurostat) dan l-aħħar, Malta tibqa’ l-pajjiż bl-ogħla rata ta’ densità tal-popolazzjoni fl-Ewropa – b’densità li hija ferm ogħla minn dik ta’ Stati Membri oħra tal-UE u anke ferm ogħla mir-rata medja tal-Unjoni Ewropea.
Dan apparti li r-rapport tal-Eurostat juri b’mod ċar li Malta hija fost il-ftit pajjiżi li qed jirreġistraw tkabbir qawwi sena wara l-oħra f’termini ta’ persuni li jgħixu f’kull kilometru kwadru. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri qegħdin jirreġistraw tnaqqis.
Bejn l-2015 u l-2024, id-densità tan-nies f’Malta żdiedet b’madwar 400 persuna għal kull kilometru kwadru. Skont l-aħħar ċifri f’din l-istatistika, issa d-densità tal-popolazzjoni f’Malta qed tlaħħaq l-1,800 persuna għal kull kilometru kwadru meta fl-2015 kienet fil-livell ta’ 1,400 persuna.
Dan ipoġġina bħala l-pajjiż li bil-bosta għandu l-ogħla densità ta’ popolazzjoni fl-Ewropa kollha. Dan l-iżvilupp huwa ir-riżultat ewlieni tal-politika tal-Gvern fejn l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin baqgħet għaddejja bla waqfien.
Waqt li f’Malta hawn 1,800 persuna għal kull kilometru kwadru, f’pajjiżi oħra żgħar bħal-Lussemburgu hemm 262, f’Ċipru 106 u fl-Estonja 32. Il-medja tal-UE hija ta’ 110 persuni għal kull metru kwadru li jfisser li f’Malta għandna densità ta’ 16-il darba aktar mill-medja Ewropea. Il-pajjiż bl-eqreb densità ta’ popolazzjoni għal Malta huwa l-Olanda, fejn però l-ammont ta’ persuni għal kull kilometru kwadru (530) huwa inqas minn terz dak ta’ Malta.
Huwa ċar li din il-problema issa nbidlet f’urġenza nazzjonali. Il-Gvern Laburista diġà ġie mwissi kemm-il darba li l-mudell ekonomiku li qed iħaddem mhux sostenibbli u qed jaffettwa b’mod negattiv il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Din l-urġenza qed timmanifesta ruħha b’mod ċar f’diversi aspetti bħal:
- Pressjoni kbira fuq l-infrastruttura nazzjonali
- Baħar kkontaminat bid-drenaġġ
- Konġestjoni u traffiku mal-ġurnata kollha
- Arja maħmuġa
- Noise pollution
- Iffullar biex tinqeda għal servizzi bażiċi
- Ħinijiet twal u inaċċettabbli biex taċċessa s-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-pajjiż ma jistax jibqa’ miexi f’din id-direzzjoni u bħalma diġà talbu diversi msieħba soċjali, qed jitlob azzjoni immedjata biex tkun imħarsa l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
11.06.2026
- It-tabelli ta’ hawn taħt juru kif Malta għandha l-ogħla densità tal-popolazzjoni fl-Ewropa u qed tkompli tirreġistra żidiet sostanzjali fin-numru ta’ persuni kull kilometru kwadru sena wara sena. Agħfas hawn biex tara r-rapport sħiħ tal-Eurostat dwar id-densità tal-popolazzjoni fl-UE.

