Nappoġġjaw lill-familji u nħarsu s-saħħa pubblika
Politika pubblika tajba tinkiseb billi nisimgħu, nivvalutaw l-evidenza u nagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa b'sens ta' bilanċ. Din hija opportunità biex nagħmlu proprju dan.
It-tħassib tal-ġenituri u l-operaturi taċ-Childcare Centres dwar ir-regolamenti marbutin man-nuqqas ta’ attendenza fl-iskema taċ-childcare b’xejn jistħoqqlu li jiġi indirizzat mill-aktar fis
It-tħassib imqajjem mill-ġenituri u mill-operaturi taċ-Childcare Centres dwar multi relatati ma’ nuqqas ta’ attendenza fl-iskema taċ-childcare b’xejn jistħoqqlu attenzjoni serja u li jiġi indirizzat mill-aktar fis.
Ir-rapporti li juru li xi familji jistgħu jħossuhom taħt pressjoni finanzjarja biex jibagħtu lit-tfal tagħhom fiċ-childcare anke meta jkunu morda biex ma jeħlux multa huma ta’ tħassib, mhux biss għall-ġid ta’ dawn it-tfal, iżda wkoll għas-saħħa tat-tfal l-oħra u tal-ħaddiema dedikati li jieħdu ħsiebhom.
L-iskema taċ-childcare b’xejn hija politika soċjali li ppermettiet lil bosta ġenituri, b’mod partikolari lill-ommijiet, jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol filwaqt li jingħata appoġġ lill-familji. Għalhekk huwa essenzjali li nħarsu kemm is-sostenibbiltà kif ukoll il-ġustizzja ta’ din l-iskema.
Madankollu, l-ebda ġenitur ma għandu jħoss li qed jiġi penalizzat talli aġixxa b’mod responsabbli billi żamm lit-tfal id-dar meta jkunu tassew morda. It-tfal żgħar inevitabbilment jimirdu, u l-politika pubblika għandha tinkoraġġixxi deċiżjonijiet responsabbli favur is-saħħa, mhux tiskoraġġihom.
Is-saħħa pubblika titlob li wieħed jevita li jxerred il-mard. Fil-każ taċ-childcare centres, dan ifisser li tevita li xxerred mard mat-tfal l-oħra u anke mal-ħaddiema. Jekk ma jkunx hemm ħaddiema biżżejjed fiċ-ċentri, dan imbagħad jimpatta anke kemm jistgħu jinżammu tfal fiċ-ċentru, biex l-operaturi jkunu jistgħu jzommu mar-regolamenti ta’ ratios ta’ carers għan-numru tat-tfal.
Il-petizzjoni mressqa mill-operaturi taċ-childcare u mill-ġenituri tressaq proposti prattiċi li jistħoqqilhom konsiderazzjoni bir-reqqa, fosthom jekk assenzi ċċertifikati minn tabib għandhomx jiġu trattati b’mod differenti minn assenzi oħra. Fl-istess ħin, kwalunkwe tibdil għandu jkun akkumpanjat minn salvagwardji xierqa biex jiġi evitat l-abbuż u biex jiġi żgurat li l-fondi pubbliċi jibqgħu jintużaw b’mod responsabbli.
Għaldaqstant, insejħu lill-Gvern biex jidħol fi djalogu kostruttiv mal-operaturi taċ-childcare centres, mal-ġenituri u mal-partijiet kollha kkonċernati ħalli jkun rivedut il-qafas attwali u jkun stabbilit jekk jistax isir titjib li jipproteġi s-saħħa tat-tfal, jappoġġja lill-familji li jaħdmu u jħares is-sostenibbiltà fit-tul tal-iskema taċ-childcare b’xejn.
Politika pubblika tajba tinkiseb billi nisimgħu, nivvalutaw l-evidenza u nagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa b’sens ta’ bilanċ. Din hija opportunità biex nagħmlu proprju dan.
Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza
Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Politika Soċjali, il-Familja u l-Housing Soċjali
Norma Camilleri
Kelliema għall-Politika dwar il-Familja u t-Tfal
10.07.2026