Peter Agius u Adrian Delia jressqu proposta li tgħin lill-konsumatur Malti u lin-negozji bix-xiri online wara t-taxxi Ewropej fuq xiri miċ-Ċina

Ma nistgħux naċċettaw deċiżjoni Ewropea li tgħabbi lill-konsumatur Malti b’total kumulattiv ta’ €5.54 għal kull oġġett mingħajr ma jiġu offruti alternattivi lill-konsumaturi tagħna, li jibqgħu jsofru mill-iżvantaġġ tal-insularità fis-suq ħieles tal-UE. Għalhekk għandna bżonn nirreaġixxu b’soluzzjonijiet billi niftħu aktar opportunitajiet ta’ bejgħ online għall-Maltin u nużaw id-dħul mit-tariffa doganali u mit-tariffa tal-ipproċessar biex jingħata appoġġ dirett lin-negozji ż-żgħar lokali ħalli jwasslu l-prodotti tagħhom direttament għand il-konsumaturi fl-irħula u l-ibliet tagħna, kemm permezz ta’ bejgħ online kif ukoll offline.

Jipproponu skema ffinanzjata mill-UE għal konsenja b’xejn f’Malta

It-tariffa doganali tal-Unjoni Ewropea fuq importazzjonijiet miċ-Ċina, mir-Renju Unit u minn pajjiżi terzi oħra, li daħlet dan is-sajf ġabet piż sinifikanti fuq il-konsumaturi Maltin u n-negozji ż-żgħar li jiddependu fuq importazzjoni minn pajjiżi terzi. It-tariffa ta’ €3.54 għal kull oġġett dalwaqt ser tiżdied ma’ tariffa oħra ta’ €2 għal kull oġġett bħala “handling fee”, li mistennija tidħol f’Novembru.

F’kumment dwar dawn il-piżijiet ġodda fuq il-konsumaturi Maltin, ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia qal: “Dawn it-taxxi ġodda tal-UE qed jimponu piż ġdid fuq l-għoli tal-ħajja għall-aktar vulnerabbli, fosthom mijiet ta’ familji li qed jirrikorru għax-xiri online bi prezz baxx biex itaffu l-effetti tal-għoli tal-ħajja f’Malta. Filwaqt li nifhmu r-raġunament tal-UE li tgħin lill-prodotti ‘made in Europe’, ma narawx li qed jiġu offruti soluzzjonijiet lill-konsumaturi, għaliex ix-xiri minn siti Ewropej xorta waħda qed iġib miegħu spejjeż għoljin ta’ konsenja. Irridu nħaddmu loġika differenti li tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi Maltin, filwaqt li tgħin lill-produtturi lokali u lin-negozji ż-żgħar.”

Ir-raġuni ddikjarata wara t-tariffa doganali tal-UE u t-tariffa tal-ipproċessar hija li jiġu promossi aktar prodotti Ewropej permezz ta’ żieda fil-bejgħ bejn pajjiżi tal-UE. Filwaqt li jidher li t-tariffa doganali wasslet għal ċertu tnaqqis fil-bejgħ online minn operaturi Ċiniżi bħal Temu u Shein, bi tnaqqis irrappurtat ta’ 30% fil-bejgħ lejn l-Ewropa, l-istess domanda tal-konsumatur mhux qed tgħaddi għal bejgħ lokali jew Ewropew, online jew offline f’Malta, minħabba l-ispejjeż għoljin tat-trasport u tal-konsenja lejn pajjiżna.

Strateġija ġdida għall-Gżejjer ippubblikata riċentement mill-Kummissjoni Ewropea fil-fatt tirrapporta li l-konsenja ta’ prodotti lejn il-gżejjer tbati minn “aċċessibbiltà limitata, strutturi territorjali frammentati u ekonomiji ta’ skala iżgħar”, li f’ċerti każijiet iwasslu biex l-ispejjeż tal-konsenja lejn il-gżejjer ikunu sa 300% ogħla meta mqabbla mal-Ewropa kontinentali.

“Ma nistgħux naċċettaw deċiżjoni Ewropea li tgħabbi lill-konsumatur Malti b’total kumulattiv ta’ €5.54 għal kull oġġett mingħajr ma jiġu offruti alternattivi lill-konsumaturi tagħna, li jibqgħu jsofru mill-iżvantaġġ tal-insularità fis-suq ħieles tal-UE. Għalhekk għandna bżonn nirreaġixxu b’soluzzjonijiet billi niftħu aktar opportunitajiet ta’ bejgħ online għall-Maltin u nużaw id-dħul mit-tariffa doganali u mit-tariffa tal-ipproċessar biex jingħata appoġġ dirett lin-negozji ż-żgħar lokali ħalli jwasslu l-prodotti tagħhom direttament għand il-konsumaturi fl-irħula u l-ibliet tagħna, kemm permezz ta’ bejgħ online kif ukoll offline,” sostna l-MEP Peter Agius.

Ir-rappreżentanti tal-PN Adrian Delia u Peter Agius qed jipproponu skema ffinanzjata mill-UE biex tikkumpensa lin-negozji lokali għall-ispejjeż tat-trasport sa massimu ta’ €3 għal kull kategorija ta’ oġġetti f’konsenji lil xerrejja lokali, kemm għal bejgħ online kif ukoll għal forom oħra ta’ bejgħ offline li jinkludu l-konsenja. Qed jiġi propost li l-iskema titħaddem fuq sentejn, minn Jannar tal-2027, b’investiment ta’ €15-il miljun fis-sena, bil-possibbiltà li tiġi estiża wara l-2028 jekk ikun hemm bżonn. L-iskema tkun tinkludi sejħa għal espressjoni ta’ interess għal SMEs lokali jew Ewropej, li jkunu jistgħu japplikaw għall-iskema sa massimu ta’ €30,000 għal kull negozju, bil-kundizzjoni li dawn il-fondi jintużaw biex ikopru l-ispejjeż tal-konsenja sa massimu ta’ €3 għal kull kategorija ta’ oġġetti. L-iskema tkun iffinanzjata mill-Gvern Malti għall-ewwel ftit xhur u sussegwentement sa 75% permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, b’applikazzjoni għall-fondi tal-UE maħsuba biex jgħinu lill-SMEs fid-diġitalizzazzjoni.

L-Ewroparlamentari Peter Agius qal: “Nafu li skema bħal din, jekk titfassal bir-reqqa, tista’ tissodisfa l-kriterji tal-Unjoni Ewropea għaliex tkun oġġettivament mhux diskriminatorja, filwaqt li tgħin lill-SMEs lokali jidħlu aktar bis-saħħa fl-era diġitali. Il-mekkaniżmu ta’ kumpens jista’ jservi ta’ xprun għal aktar investiment f’netwerks lokali ta’ bejgħ online, punti ta’ ġbir u sistemi ta’ konsenja. Skemi bħal dawn diġà huma possibbli taħt il-programm attwali ta’ finanzjament tal-UE, li fil-fatt diġà jinkludi l-e-Commerce Grant Scheme, li tappoġġja lill-SMEs lokali biex jistabbilixxu sistema ta’ bejgħ online, inklużi websites, sistemi ta’ pagament, hosting u funzjonalità tal-kummerċ elettroniku. Hemm ukoll fondi oħra tal-UE għad-diġitalizzazzjoni tal-SMEs, inklużi proċessi relatati mal-katina tal-provvista u d-distribuzzjoni.”

“L-inizjattivi riċenti tal-UE li qed iżidu l-piż fuq ix-xiri tal-konsumaturi miċ-Ċina għandhom jitqiesu bħala opportunità għal Malta biex tgħolli l-livell tagħha u tagħti aktar saħħa lin-negozji lokali biex jidħlu f’dawk in-niċeċ tas-suq li s’issa kienu ddominati mill-ġganti Ċiniżi tal-bejgħ online. Biex nagħmlu dan irridu naġixxu malajr, bi skema ffinanzjata mill-UE biex tikkumpensa għall-ispejjeż tat-trasport u li titpoġġa fis-seħħ sa minn din is-sena. Nappellaw lill-Gvern biex jikkunsidra din il-proposta bis-serjetà bħala parti integrali mill-eżerċizzju tal-budget li jmiss. Din m’għandhiex tkun kwistjoni politika. Ejjew ningħaqdu biex nużaw l-Ewropa bl-aħjar mod possibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tagħna, tal-konsumaturi u tan-negozji,” temm jgħid Adrian Delia.

03.10.2026

Factsheet dwar il-proposta tal-PN ‘Fight Back on Temu Tax’
 
Għanijiet
Insaħħu l-bejgħ lokali minn negozji lokali jew minn negozji bbażati fl-UE li għandhom rappreżentanza jew punt ta’ ġbir f’Malta, u b’hekk noffru għażla usa’ lill-konsumaturi biex tagħmel tajjeb għat-telf ta’ opportunitajiet ta’ xiri online minn pajjiżi terzi.
 
Żmien
It-tnedija tal-iskema jsir fl-2026 permezz ta’ sejħa għal espressjoni ta’ interess għall-SMEs li jixtiequ jipparteċipaw. L-iskema titħaddem minn Jannar tal-2027 u matul l-2028, bil-possibbiltà li tiġi estiża għall-2029 u l-2030.
 
Kundizzjonijiet
Għotja sa €30,000 biex tkopri spejjeż tat-trasport sa massimu ta’ €3 għal kull kategorija ta’ oġġetti f’bejgħ li d-destinazzjoni tiegħu tkun Malta.
Miftuħa għall-SMEs kollha bbażati fl-Ewropa li joffru konsenja b’xejn lejn Malta f’wieħed minn dawn l-erba’ mudelli:
– SMEs tal-manifattura jew produtturi ta’ oġġetti bbażati f’Malta jew fl-UE li għandhom il-pjattaformi ta’ bejgħ tagħhom stess;
– SMEs ibbażati fl-UE li jaġixxu bħala punt ta’ ġbir f’Malta għal bejjiegħ bl-imnut ibbażat fl-Ewropa, kemm jekk ikun SME kif ukoll jekk le;
– SMEs ibbażati fl-UE li jbigħu, offline u/jew online, lill-konsumaturi bbażati f’Malta;
– Negozji diġitali li jbigħu online prodotti li jinsabu f’ċirkolazzjoni ħielsa fl-UE u li joffru konsenja b’xejn lejn Malta.
L-iskema taħdem fuq bażi ta’ rimborż kull sitt xhur, u tkopri sa massimu ta’ €3 għal kull kategorija ta’ oġġetti effettivament imqassma f’Malta, sa limitu massimu ta’ €30,000 għal kull applikazzjoni.
 
Proċedura
1. L-iskema trid tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni Ewropea, li għandha tkun tista’ tapprovaha minħabba n-natura mhux diskriminatorja tagħha, billi tkun miftuħa għall-SMEs kollha tal-UE mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità.
2. L-iskema titnieda inizjalment b’fondi tal-Gvern Malti li jaġixxu bħala garanzija fl-2026.
3. Sussegwentement, l-iskema titressaq bħala proġett iffinanzjat mill-UE, bil-budget Ewropew ikopri sa 75% tal-ispiża għal parti mill-2027 u matul l-2028.