Politika li tafda fiż-żgħażagħ u tagħtihom vuċi reali
Għalhekk, fil-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ 2026, il-messaġġ għandu jkun wieħed ċar: iż-żgħażagħ m’għandhomx ikunu mistiedna biss biex jipparteċipaw. Għandhom jingħataw rwol ġenwin fit-tfassil tad-deċiżjonijiet li jsawru l-pajjiż, il-fiduċja li l-ideat tagħhom jistgħu jwasslu għal bidla, u l-opportunità li jkunu msieħba attivi fil-bini ta’ Malta aktar ġusta, sostenibbli u mimlija opportunitajiet.
Il-futur ta’ Malta ma jistax jitfassal għaż-żgħażagħ mingħajr iż-żgħażagħ. Għandu jitfassal magħhom
F’dan il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, nagħrfu li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin għandhom l-akbar interess, kif ukoll l-akbar potenzjal, biex isawru l-futur ta’ pajjiżna. Mhumiex biss il-ġenerazzjoni li se tgħix bil-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet li jittieħdu llum, iżda għandhom ikunu parteċipanti attivi fit-teħid tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fil-kapaċità taż-żgħażagħ u fil-kontribut li jistgħu jagħtu lis-soċjetà tagħna. Dan it-twemmin, iżda, irid ikun rifless fil-mod kif il-politika tinvolvi liż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Għal wisq żmien, iż-żgħażagħ ġew mistiedna jipparteċipaw, iżda mhux biex ġenwinament jinfluwenzaw. Ġew ikkonsultati, iżda mhux dejjem ingħataw opportunità reali biex jaraw il-kontribut tagħhom jittraduċi ruħu f’bidla konkreta.
Din ir-realtà hija riflessa wkoll fl-aktar stħarriġ riċenti L-Istat tan-Nazzjon, li wera li ż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-25 sena huma l-grupp li l-inqas iqis il-politika bħala importanti, b’19.8% biss jgħidu li hija importanti ħafna f’ħajjithom. Dan m’għandux jiġi interpretat bħala apatija jew indifferenza min-naħa taż-żgħażagħ, iżda bħala twissija ċara li wisq minnhom ma jemmnux li s-sistema politika qed tagħtihom il-vuċi, il-fiduċja u l-opportunità li jagħmlu differenza reali.
Il-fiduċja fil-politika ma tinbeniex bil-kliem. Tinbena meta ż-żgħażagħ jagħtu idea u jarawha tittieħed bis-serjetà. Meta jipparteċipaw u jaraw li l-kontribut tagħhom iwassal għal riżultati konkreti. Meta jemmnu li l-vuċi tagħhom mhux biss instemgħet, iżda li kienet parti minn deċiżjonijiet li wasslu għal bidla reali.
Hekk biss nistgħu nibnu mill-ġdid il-fiduċja fis-sistema demokratika u noħolqu ġenerazzjoni li tara l-politika bħala mezz ta’ servizz, parteċipazzjoni u bidla, aktar milli bħala xi ħaġa ’l bogħod minn ħajjitha.
Iż-żgħażagħ għandhom ikunu protagonisti fid-diskussjonijiet dwar il-futur ta’ Malta. Dwar kif nibnu pajjiż fejn il-mertu jirbaħ fuq il-konnessjonijiet, fejn il-familji żgħażagħ jistgħu jaffordjaw dar, fejn jinħolqu opportunitajiet ta’ kwalità, fejn l-ambjent jiġi mħares u fejn il-futur f’Malta jkun wieħed li ż-żgħażagħ jaspiraw għalih u jagħżlu li jibnuh hawn.
Il-futur ta’ Malta ma jistax jinbena għaż-żgħażagħ mingħajr iż-żgħażagħ. Għandu jinbena magħhom.
Għalhekk, fil-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ 2026, il-messaġġ għandu jkun wieħed ċar: iż-żgħażagħ m’għandhomx ikunu mistiedna biss biex jipparteċipaw. Għandhom jingħataw rwol ġenwin fit-tfassil tad-deċiżjonijiet li jsawru l-pajjiż, il-fiduċja li l-ideat tagħhom jistgħu jwasslu għal bidla, u l-opportunità li jkunu msieħba attivi fil-bini ta’ Malta aktar ġusta, sostenibbli u mimlija opportunitajiet.
Għax iż-żgħażagħ mhumiex il-mexxejja ta’ għada.
Huma l-mexxejja tal-lum.
Eve Borg Bonello
Shadow Minister għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali
12.08.2026
– Agħfas hawn biex tara l-messaġġ tax-Shadow Minister Eve Borg Bonello għall-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ 2026.