Qagħda Finanzjarja KM Malta Airlines: Il-Partit Nazzjnalista ilu jitlob l-informazzjoni lill-Gvern – il-Gvern jaf imma jibqa’ jaħbi
Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ilhom is-snin jitolbu informazzjoni dwar il-qagħda finanzjarja tal-linja tal-ajru. Permezz ta’ mistoqsija Parlamentari f’Marzu tas-sena li għaddiet, il-PN staqsa lill-Gvern jekk il-kotba tal-KM Malta Airlines kinux qed juru li l-miri ta’ stabbiltà finanzjarja kienu fattibbli u x’kienet il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija. Ir-risposta kienet li, wara l-għeluq tas-sena finanzjarja u l-verifiki meħtieġa, il-kumpanija kienet se tippubblika l-kontijiet tagħha skont ir-regoli.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti fuq il-pubblikazzjoni tal-kontijiet tal-linja tal-ajru: €350 miljun f’ekwita pubblika, aktar minn €2.5 miljun f’konsulenzi u snin ta’ mistoqsijiet Parlamentari, iżda l-poplu għadu fl-għama
Ir-rapport ippubblikat ilbieraħ minn The Shift News iqajjem mistoqsijiet serji dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-linja nazzjonali.
Skont sorsi ta’ The Shift News, il-KM Malta Airlines qed tirreġistra telf ta’ għexieren ta’ miljuni ta’ ewro li jaqbeż kull tbassir oriġinali.
Dawn ir-rapporti għandhom jiġu kkonfermati jew miċħuda bil-fatti. L-aktar mod kredibbli kif il-Gvern jista’ jagħmel dan huwa billi jippubblika minnufih il-kontijiet awditjati tal-KM Malta Airlines.
Din mhijiex kwistjoni li qamet illum.
Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ilhom is-snin jitolbu informazzjoni dwar il-qagħda finanzjarja tal-linja tal-ajru. Permezz ta’ mistoqsija Parlamentari f’Marzu tas-sena li għaddiet, il-PN staqsa lill-Gvern jekk il-kotba tal-KM Malta Airlines kinux qed juru li l-miri ta’ stabbiltà finanzjarja kienu fattibbli u x’kienet il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija. Ir-risposta kienet li, wara l-għeluq tas-sena finanzjarja u l-verifiki meħtieġa, il-kumpanija kienet se tippubblika l-kontijiet tagħha skont ir-regoli.
Il-Partit Nazzjonalista ma waqafx hemm u ftit wara reġa’ staqsa jekk il-miri ta’ profitt kinux mistennija jintlaħqu, filwaqt li f’Novembru reġgħet intalbet data ċara dwar meta kienu se jiġu ppubblikati l-kontijiet tal-KM Malta Airlines.
L-iskrutinju kompla meta, permezz ta’ mistoqsija Parlamentari oħra, il-Gvern ġie mistoqsi għaliex l-iStatutory Financial Statements kienu għadhom ma ġewx ippreżentati lill-Malta Business Registry u jekk kinux ġew approvati mill-Bord tad-Diretturi.
Sussegwentement, il-Partit Nazzjonalista ġibed l-attenzjoni għall-obbligi taħt l-Att dwar il-Kumpaniji u staqsa jekk il-financial statements kellhomx ikunu approvati sal-31 ta’ Awwissu 2025 u sottomessi lill-Malta Business Registry sat-12 ta’ Ottubru 2025.
Minflok wieġeb, il-Ministru qal li t-tweġiba kienet se tingħata f’seduta oħra u meta l-istess mistoqsija reġgħet tqajmet fil-Parlament, reġgħet ma ngħatax tweġiba, bil-Ministru reġa’ qal li t-tweġiba tingħata darb’oħra.
Meta mbagħad f’Jannar ta’ din is-sena l-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista talbu għal darb’oħra risposta għall-mistoqsijiet li kienu għadhom pendenti, il-Ministru reġa’ qal li t-tweġiba kienet se tingħata f’seduta oħra.
Il-Gvern ilu x-xhur li ntalab mill-Oppożizzjoni biex iwieġeb għall-mistoqsijiet dwar dawn il-kontijiet. Il-Partit Nazzjonalista talab spjegazzjonijiet ripetutament, iżda l-pubbliku għadu mingħajr stampa ċara u awditjata tal-qagħda finanzjarja tal-linja nazzjonali.
Dan huwa aktar serju meta wieħed iqis l-ammont ta’ flus pubbliċi involuti u meta wieħed iqis it-track record tal-Gvern Laburista fejn tidħol il-linja nazzjonali tal-ajru.
Ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Kontijiet Pubbliċi tal-2024 juri li l-ekwità tal-Gvern fil-KM Malta Airlines telgħet għal €350 miljun. Għalhekk il-ħaddiem Malti, li flusu sejrin f’din il-linja nazzjonali, għandu dritt ikun jaf jekk dawn il-fondi humiex qed jintużaw skont il-pjan approvat u jekk il-miri finanzjarji humiex qed jintlaħqu.
Mistoqsija Parlamentari oħra kixfet kif il-KM Malta Airlines ħallset €2,518,664 lil kumpanija ta’ konsulenza għal xogħol li kien jinkludi l-implimentazzjoni tal-Business Plan ta’ ħames snin, appoġġ lill-funzjoni finanzjarja u l-ħolqien ta’ reporting framework sabiex il-prestazzjoni tal-linja tkun tista’ titqabbel mal-miri ta’ dak il-pjan.
Jekk intefqu aktar minn €2.5 miljun u tħadmet sistema speċifikament biex tkejjel il-prestazzjoni tal-KM Malta Airlines skont il-Business Plan tagħha, il-poplu għandu dritt jara r-riżultati.
Għad hemm ukoll mistoqsijiet importanti dwar il-pjan biex bejn 30% u 35% tal-KM Malta Airlines jinbiegħ lil investitur strateġiku privat. Il-Gvern kien iddikjara li dan il-proċess kellu jimxi ’l quddiem kemm jista’ jkun malajr, iżda r-rapporti tal-lum qed iqajmu dubji serji dwar fejn wasal dan il-proċess u jekk instabx investitur interessat.
Il-Gvern għandu għalhekk ikun ċar mal-poplu dwar x’inhi s-sitwazzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen fl-importanza strateġika ta’ linja tal-ajru nazzjonali għal pajjiż gżira bħal Malta. Proprju għaliex irridu li l-KM Malta Airlines tirnexxi, irridu li titmexxa b’mod sostenibbli, responsabbli u trasparenti.
It-trasparenza mhijiex attakk fuq il-linja nazzjonali. Hija essenzjali biex jiġu protetti l-linja tal-ajru, il-ħaddiema tagħha u l-investiment tal-poplu Malti.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Gvern biex:
- Jippubblika minnufih il-kontijiet awditjati tal-KM Malta Airlines;
- Jiddikjara l-qagħda finanzjarja attwali tal-kumpanija u jekk il-miri tal-Business Plan humiex qed jintlaħqu;
- Jippubblika l-prestazzjoni effettiva tal-linja meta mqabbla mal-Business Plan ta’ ħames snin;
- Jispjega għaliex, minkejja snin ta’ mistoqsijiet Parlamentari, dawn il-kontijiet għadhom ma sarux pubbliċi;
- Jagħti rendikont ċar dwar fejn wasal il-proċess biex jinbiegħ bejn 30% u 35% tal-kumpanija lil investitur strateġiku; u
- Jagħti stampa sħiħa tal-espożizzjoni finanzjarja tat-taxxi tal-poplu Malti fil-KM Malta Airlines.
- Il-poplu Malti għandu dritt ikun jaf x’qed jagħmel il-Gvern bi flus il-ħaddiem. Il-poplu għandu dritt jara l-kontijiet tal-linja nazzjonali tal-ajru. U l-Gvern għandu l-obbligu tat-trasparenza u r-responsabbiltà.
Adrian Delia
Shadow Minister għall-Finanzi
Ivan Castillo
Shadow Minister għall-Mobbiltà Sostenibbli
John Baptist Camilleri
Kelliem għall-Avjazzjoni
21.08.2026