Rikonoxximent u ringrazzjament lil Bernard Grech

Il-Moviment Nisa tal-Partit Nazzjonalista (MNPN) jixtieq jesprimi r-rikonoxximent u l-apprezzament tiegħu lejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għall-appoġġ kontinwu, il-fiduċja u l-impenn li wera lejn il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u f’kull livell ta’ tmexxija.

Matul is-snin ta’ tmexxija tiegħu, Bernard Grech wera mhux biss fidi soda fil-valuri tal-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali, iżda wkoll ħeġġeġ u sostna l-ħidma tal-MNPN, kemm fuq livell politiku kif ukoll fuq dak komunitarju.

L-impenn tiegħu favur il-bilanċ bejn is-sessi, l-għoti ta’ spazju għan-nisa biex jgħinu fil-formulazzjoni tal-politika pubblika, u l-ħolqien ta’ ambjent inklussiv, huwa xhieda ta’ tmexxija b’viżjoni moderna u sensittiva għal dak li tassew jimporta lin-nisa f’pajjiżna.

F’isem il-membri kollha tal-MNPN, nirringrazzjaw mill-qalb lil Bernard Grech għall-kollaborazzjoni siewja u għal kif dejjem kien disponibbli li jisma’, jifhem u jwieġeb għall-ħtiġijiet tan-nisa fil-Partit.

L-MNPN tixtieq tirringrazzja wkoll lil AnneMarie Grech tas-sostenn li dejjem tat lill-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista kull darba li tlabna l-għajnuna u l-preżenza tagħha f’kull ċirkostanza.

Marie Claire Zammit
President, MNPN

13.06.2025