Robert Abela għandu jgħid hux se jieħu passi kontra Jason Micallef li ddeskriva s-sejħa għall-ġustizzja għal Daphne bħala “vandaliżmu”
Robert Abela għandu jagħti risposta ċara: jaqbel jew ma jaqbilx ma’ Jason Micallef? Jikkundanna dak li qal?
Il-kummenti ta’ Micallef – persuna ta’ fiduċja ta’ Abela mħallas mit-taxxi tagħna, li jokkupa kariga pubblika – juru għalfejn il-kultura tal-impunità għadha ħajja u għalfejn il-Gvern ta’ Abela qed jibqa’ jirreżisti l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-kummenti inaċċettabbli ta’ Jason Micallef, Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u Delegat Speċjali ta’ Robert Abela għall-implimentazzjoni tal-manifest elettorali Laburista, li ddeskriva bħala “vandaliżmu” banners fil-Belt Valletta li, fost oħrajn, jitolbu ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia.
Jason Micallef mhuwiex sempliċiment ċittadin privat li qed jesprimi opinjoni personali. Huwa persuna pubblika, uffiċjal pubbliku, imħallas mit-taxxi tagħna. Huwa persuna ta’ fiduċja li Robert Abela għadu jafda f’karigi pubbliċi, fosthom bħala ċ-Chairman tal-Valletta Cultural Agency.
Għalhekk il-Prim Ministru Robert Abela ma jistax jibqa’ sieket quddiem dan il-kliem. Aktar u aktar meta ftit tal-jiem ilu Abela qal li jiddistanzja ruħu minn kummenti ta’ mibegħda diretti lejn Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha.
Fid-dawl ta’ dan, il-PM għandu jiddikjara jekk jaqbilx ma’ Jason Micallef li banner li jsejjaħ għall-ġustizzja għal Daphne huwa vandaliżmu. U għandu jgħidilna jekk jaqbilx li, kif qal Jason Micallef, dawn il-banners għandhom jitneħħew mill-Belt Valletta.
Għandu jgħidilna wkoll – f’każ li ma jaqbilx mal-kummenti ta’ Jason Micallef – x’passi se jieħu fil-konfront tiegħu anke għax din mhix l-ewwel darba li l-eks Segretarju Ġenerali Laburista għadda kummenti dispreġjattivi fil-konfront tal-ġurnalisti u tal-media.
Il-kummenti ta’ Jason Micallef huma sintomu ta’ problema ferm akbar. Kważi disa’ snin wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u ħames snin wara li Inkjesta Pubblika mmexxija minn tliet Imħallfin sabet li l-Istat ħoloq kultura ta’ impunità li ppermettiet li jinħoloq l-ambjent li fih seħħ l-assassinju, għad għandna nies fil-qalba tal-establishment Laburista li jittrattaw sejħa għall-ġustizzja bħala xi ħaġa li għandha titneħħa u tissikket.
Dan juri li ma tgħallimna xejn. Juri li l-kultura tal-impunità li semmiet dik l-Inkjesta li r-rakkomandazzjonijiet tagħha, ħames snin wara, għadhom ma ġewx implimentati – għadha preżenti.
Mhux ta’ b’xejn li Robert Abela qed jibqa’ jkaxkar saqajh u jirreżisti l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika kif għamel fil-jiem li għaddew meta rrifjuta li jiddibatti Mozzjoni tal-Oppożizzjoni li kienet issejjaħ biex il-Gvern jimplimenta l-konklużjonijiet ta’ din l-Inkjesta sal-aħħar ta’ Ottubru.
Pajjiż li tassew tgħallem mill-assassinju ta’ ġurnalista ma jattakkax lil min jitlob ġustizzja. Pajjiż li tassew irid jeqred il-kultura tal-impunità ma jibżax mill-kelma “ġustizzja”.
U Prim Ministru li tassew jemmen fil-bidla ma jibqax sieket meta persuna li l-Gvern tiegħu jafda f’kariga pubblika titkellem b’dan il-mod.
Robert Abela għandu jagħti risposta ċara: jaqbel jew ma jaqbilx ma’ Jason Micallef? Jikkundanna dak li qal?
U jekk ma jaqbilx, għandu jgħid x’se jagħmel dwar persuna tal-fiduċja tiegħu li għażlet li tattakka sejħa pubblika għall-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia ftit jiem biss wara l-għoti tal-verdett fil-ġuri dwar l-assassinju tagħha.
05.09.2026