Robert Abela huwa mwerwer mill-verità u mill-ġustizzja
Il-Partit Nazzjonalista għandu messaġġ wieħed u ċar lil Robert Abela: Aħna ma nibżgħux minnek
Bil-post tiegħu fuq Facebook, Robert Abela kkonferma li huwa mwerwer mill-verità u mill-ġustizzja għax jaf li bħal ta’ qablu qed imexxi Gvern mifni bil-korruzzjoni, b’Ministru wieħed wara l-ieħor jinqabdu f’każijiet serji ta’ korruzzjoni, abbużi ta’ poter u tħanżir.
Huwa skandaluż kif minflok jippromwovi t-tfittxija u s-sejbien tal-verità u jinsisti li ssir ġustizzja, Robert Abela qabbad Ministru tiegħu sabiex b’għaġla kbira jfassal emendi fil-liġijiet ta’ pajjiżna li jagħmluha aktar diffiċli, jekk mhux saħansittra jċaħħdu, liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin mid-dritt tagħhom li jitolbu u jiskbu l-ftuħ ta’ inkjesti maġisterjali.
B’dan il-pass irresponsabbli, Robert Abela jrid ukoll jikkontrolla lill-Maġistrati ta’ pajjiżna li huma fdati biex iwettqu inkjesti maġisterjali li bihom ssir magħrufa l-verità u jiġi żgurat li ssir ġustizzja. Li kien għal Robert Abela ma bdewx u ma sarux l-inkjesti fost oħrajn dwar:
- Vitals u Steward
- 17 Black
- l-Electrogas
- il-Panama Papers
- il-windfarms tal-Montenegro
- ir-racket tal-benefiċċji soċjali
- ir-racket tal-karti tal-identità u s-serq tal-indirizzi
- l-abbuż ta’ fondi pubbliċi mill-Ministri tiegħu.
Huwa biss min jibża’ mill-verità u mill-ġustizzja, li jġib ruħu bil-mod kif qed iġib ruħu Robert Abela. Jaf li jinsab dahru mal-ħajt u għalhekk qed jattakka lil kull min jiġi quddiemu. Illum kulħadd jaf li Robert Abela huwa politiku diżonest, irresponsabbli u perikoluż.
Il-Partit Nazzjonalista se jirreżisti bil-qawwa kollha kull tentattiv ta’ Robert Abela u ta’ Jonathan Attard li bih jippruvaw iċaħħdu liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin mid-dritt tagħhom li jitolbu li jinfetħu inkjesti maġisterjali dwar reati serji. Robert Abela qed jhedded lis-sistema tal-ġustizzja ta’ pajjiżna u lil kull min jaħdem għall-verità u għall-ġustizzja.
Il-Partit Nazzjonalista għandu messaġġ wieħed u ċar lil Robert Abela: Aħna ma nibżgħux minnek.
Karol Aquilina
Shadow Minister għall-Ġustizzja
15.12.2024