Robert Abela jerġa’ jattakka lill-media biex jiddefendi aktar abbużi minn sħabu
Abela ostaġġ tat-tħanżir li ppermetta hu stess; jattakka lill-ġurnalisti biex jgħatti s-serq u l-abbuż ta’ sħabu
Robert Abela reġa’ nfexx f’attakk fuq il-media indipendenti għax din kixfet każ ieħor ta’ abbuż minn dawk qrib tiegħu.
Qed ngħixu f’pajjiż fejn kuljum nisbħu għal xi skandlu ġdid fejn il-protagonist ewlieni kważi dejjem ikun xi ħadd qrib Robert Abela li jkun ħataf u abbuża minn xi pożizzjoni ta’ awtorità fejn ikun tpoġġa minn Abela jew xi ħadd fil-Gvern.
Meta l-media indipendenti tagħmel xogħolha u tikxef il-ħmieġ ta’ esponenti tal-Gvern ta’ Abela jew ħbieb tagħhom, għax jaf li m’għandux minn fejn joħroġ, Robert Abela jinfexx jattakka l-ġurnalisti.
Abela qed jerġa’ jagħmel attakk faħxi fuq il-media għax kixfet kif l-eks CEO tal-Partit Laburista James Piscopo rċieva numru ta’ ħlasijiet ta’ konsulenza mill-għoti tal-konċessjoni tal-karozzi tal-linja lil operatur Spanjol u mill-bini tal-junction tal-Kappara, ukoll minn kumpanija Spanjola. Dan meta l-istess Piscopo kien CEO ta’ Transport Malta u allura kien hu responsabbli mill-proġetti tal-istess entità.
Illum Robert Abela hu ostaġġ tat-tħanżir li ppermetta hu stess.
Jekk Robert Abela verament jirrispetta s-saltna tad-dritt, għandu jissottometti ruħu għall-ġustizzja u għal kull inkjesta maġisterjali li tista’ tinvestiga oxxenitajiet bħal fil-każ ta’ James Piscopo.
Il-ġustizzja u l-ġurnaliżmu huma sisien li fuqhom hi mibnija d-demokrazija.
Robert Abela u l-Gvern Laburista mill-2013 ’l hawn diġà ħammru wiċċ pajjiżna biżżejjed fejn jidħlu attakki fuq il-ġurnalisti.
Il-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lil Robert Abela ikompli jaħtaf il-pilastri tad-demokrazija biex jagħmel minn Malta awtokrazija.
26.03.2025