Robert Abela jerga’ jinqabad jigdeb – issa anke fuq ħatriet ta’ Kapijiet Eżekuttivi

Robert Abela ma jistax jibqa’ jigdeb lill-poplu. Jeħtieġ li jmexxi ta’ Prim Ministru denju ta’ pajjiżna. Jeħtieġ li jiddeċiedi fl-interess nazzjonali u mhux fl-interess politiku personali tiegħu. 

  • Abela jerġa’ jinqabad f’gidba – sitt snin ilu kien qal li mhux se jaċċetta li persuni fit-tmexxija ta’ awtoritajiet pubbliċi jkollhom il-prattika privata
  • Issa nafu li ma’ Johann Buttigieg saret “eċċezzjoni” – il-PM għandu jgħidilna sarux aktar eċċezzjonijiet ma’ CEOs ta’ aġenziji tal-gvern
  • Flok jiddefendi l-integrità tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Gvern Laburista qed ikompli jiġġustifika l-aġir taċ-Chairperson Eżekuttiv tagħha minkejja l-fatti ġodda żvelati mill-media fl-aħħar jiem

Robert Abela reġa’ nqabad f’gidba. F’Novembru 2020 Abela kien iddikjara li mhux se jaċċetta li Kapijiet Eżekuttivi ta’ aġenziji tal-gvern ikollhom prattika privata waqt li jkunu qed jokkupaw rwol mal-Istat għax dawn jitħallsu tajjeb u għandhom jiffukaw fuq l-awtorità li jmexxu. F’Marzu 2021, Abela kien ħabbar li ta struzzjonijiet biex CEOs ta’ entitajiet tal-gvern ma jagħmlu l-ebda negozju privat lil hinn mir-rwol pubbliku tagħhom.

Issa li nafu li ma’ Johann Buttigieg – li kien ġie appuntat mill-ġdid fit-tmexxija tal-Awtorità tal-Ippjanar minn Abela stess – saret “eċċezzjoni”, huwa ċar li l-Prim Ministru kien qed jaħbi dan l-arranġament. Nafu wkoll li b’dak li qal sitt snin ilu, kien qed jigdeb lin-nies.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi lil Robert Abela jekk sarux eċċezzjonijiet simili ma’ Kapijiet Eżekuttivi oħra. Abela għandu jgħidilna jekk hemmx CEOs jew Chairpersons Eżekuttivi oħra ta’ entitajiet governattivi li wkoll tħallew jibqgħu għaddejjin bil-prattika privata tagħhom waqt li qed jitħallsu eluf ta’ ewro fit-tmexxija tal-awtoritajiet li jmexxu.

Huwa ċar li għal darba oħra Robert Abela mhux qed jgħid il-verità, kif għamel f’diversi każi oħra fosthom:

  • fil-każ tal-ħatra tal-Prim Imħallef – fejn sirna nafu mill-ittra ġuramentata ta’ Wenzu Mintoff li Robert Abela tah raġunijiet differenti fil-privat biex ma jaħtrux Prim Imħallef;
  • fil-każ ta’ Matthew Caruana Galizia – li kellu joħroġ igiddeb lil Robert Abela meta qal li kien tkellem ma’ missieru Peter;
  • fil-każ tal-President tal-Kamra tal-Kummerċ – li widdeb lil Robert Abela talli fil-pubbliku qed jagħti l-impressjoni li kollox miexi fuq ir-rubini, waqt li wara bibien magħluqa l-Ministru tal-Finanzi wissa lill-imsieħba soċjali fl-MCESD dwar il-qagħda tal-ekonomija u l-finanzi pubbliċi.

Fil-każ ta’ Johann Buttigieg, flok fehem il-gravità ta’ dak li ġie żvelat u ddefenda l-integrità tal-istituzzjoni, il-Prim Ministru ddefenda wkoll liċ-Chairperson tal-Awtorità tal-Ippjanar billi ħareġ jiġġustifika ċ-chats tiegħu ma’ Yorgen Fenech bl-iskuża li konna ilna nafu dwarhom u li ma ħareġ xejn ġdid meta l-media ppubblikat il-kontenut tagħhom.

U issa għandna Ministru ewlieni tal-Kabinett ta’ Abela li jiġġustifika l-fatt li min imexxi l-awtorità li suppost tirregola l-ippjanar huwa wkoll sid ta’ kumpanija li tipprovdi konsulenzi fl-istess qasam, u li hija involuta f’tender pubbliku ta’ miljuni ta’ ewro.

Robert Abela ma jistax jibqa’ jigdeb lill-poplu. Jeħtieġ li jmexxi ta’ Prim Ministru denju ta’ pajjiżna. Jeħtieġ li jiddeċiedi fl-interess nazzjonali u mhux fl-interess politiku personali tiegħu.    

23.09.2026