Robert Abela jipprova jwaħħal fl-Enemalta biex ifarfar ir-responsabbiltà tal-Gvern tiegħu

Il-Partit Nazzjonalista, flok iwaħħal fil-ħaddiema tal-Enemalta, jinsab magħhom bil-fatti.

Il-ħaddiema tal-Enemalta jistħoqqilhom l-appoġġ u l-kumpens, mhux li jintużaw bħala skuża għall-falliment tal-Gvern

Meta l-Prim Ministru Robert Abela jiġi dahru mal-ħajt, flok jerfa’ r-responsabbiltà, ifittex f’min iwaħħal.

Wara jiem ta’ qtugħ fil-provvista tal-elettriku li ħalla familji fid-dlam u negozji jġarrbu telf, il-Prim Ministru flok ħareġ quddiem il-poplu b’soluzzjonijiet ċari u refa’ r-responsabbiltà politika għall-falliment tal-Gvern tiegħu, issa qed jipprova jitfa’ r-responsabbiltà fuq l-Enemalta.

Imma l-Enemalta mhijiex xi kumpanija privata li l-Gvern m’għandu ebda kontroll fuqha. L-Enemalta hija kumpanija tal-Gvern. Taqa’ taħt ir-responsabbiltà politika tal-Ministru Miriam Dalli u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-Prim Ministru Robert Abela.

Għalhekk meta Robert Abela jgħid lill-Enemalta biex “tħaffef”, qisu qiegħed ikellem lil xi ħadd li m’għandux x’jaqsam miegħu, ikun qed jipprova jaħrab minn mistoqsija waħda:

Min kellu jiżgura li l-Enemalta jkollha r-riżorsi, l-investiment, il-ħaddiema u l-infrastruttura meħtieġa biex tlaħħaq mad-domanda?

Jekk hawn xi ħadd li għandu jara x’se jagħmel, huwa l-Prim Ministru.

Huwa l-Gvern tiegħu li kellu jara li l-infrastruttura tal-elettriku tlaħħaq ma’ popolazzjoni li kibret b’rata qawwija.

Huwa l-Gvern tiegħu li kellu jipprepara għal domanda dejjem tikber għall-elettriku.

Huwa l-Gvern tiegħu li kellu jantiċipa sjuf b’temperaturi għoljin u pressjoni akbar fuq in-netwerk.

Huwa l-Gvern tiegħu li kellu jara li l-investiment isir fil-ħin, qabel ma tinqala’ l-kriżi u mhux wara.

U huwa l-Gvern tiegħu li għandu jerfa’ r-responsabbiltà meta s-sistema ma tlaħħaqx.

Robert Abela ma jistax ikun Prim Ministru meta kollox sejjer tajjeb u spettatur meta l-affarijiet imorru ħażin. Irid jiftakar ukoll li Gvern Laburista ilu 13-il sena fit-tmun ta’ pajjiżna.

Aktar minn hekk, huwa inaċċettabbli li l-ħaddiema tal-Enemalta jispiċċaw iġorru l-piż politiku ta’ nuqqas ta’ ppjanar li ma ħolquhx huma.

Dawn huma ħaddiema li tul dawn il-jiem qed jaħdmu sigħat twal, taħt pressjoni kbira, f’kundizzjonijiet diffiċli u f’temperaturi għoljin biex jerġgħu jagħtu l-provvista lill-familji u lin-negozji Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista, flok iwaħħal fil-ħaddiema tal-Enemalta, jinsab magħhom bil-fatti.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-ħaddiema tal-Enemalta li qed jaħdmu f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji jingħataw kumpens xieraq għax-xogħol, is-sagrifiċċju u l-pressjoni li qed jerfgħu biex iservu lill-poplu.

Il-ħaddiema tal-Enemalta mhumiex il-problema.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti fuq responsabbiltà politika, fuq investiment serju fl-infrastruttura u fuq pjan ċar li jagħti lil pajjiżna sistema tal-elettriku li tiflaħ għall-bżonnijiet tal-lum u ta’ għada.

U se jibqa’ fuq in-naħa tal-ħaddiema li, minkejja d-deċiżjonijiet ħżiena ta’ min imexxi, qed jagħmlu minn kollox biex iżommu lil pajjiżna għaddej.

26.07.2026